PR260196
06/02/2026
Pjan miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika u wara tiftaħ PMC mas-settur privat biex din ir-riġenerazzjoni titwettaq
Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-pjan tal-aqwa Riġenerazzjoni għall-Port il-Kbir li se jkun miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika u minnufih wara jibda l-proċess tax-xogħol mas-settur privat biex din ir-riġenerazzjoni titwettaq. Waqt it-tnedija uffiċjali tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif dan il-proġett li jdur mal-isbaħ port fil-Mediterran se jkun wieħed ambizzjuż, massiċċ u li se jħalli marka dwar kif qed nibdlu u rridu nkomplu nibdlu lil pajjiżna għall-aħjar.
Ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir se tkun maqsuma f’erba’ fażijiet, bil-għan li tinħoloq żona ta’ standard internazzjonali li tagħti ġieħ lill-wirt marittimu Malti filwaqt li toffri spazji fejn il-kultura, servizzi u rikreazzjoni jkunu jistgħu jgħixu flimkien. Il-pjan għall-ewwel fażi jiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-waterfront tal-Marsa u s-sit tal-eks power station f’żona mħallta u vibranti, b’użu modern, sostenibbli u ta’ kwalità, li joħloq opportunitajiet ġodda u jġib il-port aktar qrib in-nies u l-familji. Id-disinjaturi ta’ dan il-proġett huma l-esperti mid-ditta internazzjonali u rinomata Champan Taylor.
Huwa żied jgħid kif dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni ta’ dan il-Gvern biex jagħti valur u kwalità f’żoni u siti li tħallew fi stat t’abbandun għal snin twal. Il-Prim Ministru għamel referenza għal numru ta’ proġetti mhux biss ta’ tisbiħ imma fuq kollox proġetti li jħarsu l-ambjent u s-saħħa tan-nies, li saru f’dawn l-aħħar snin madwar il-Port il-Kbir.
Il-Prim Ministru Abela fakkar kif din l-amministrazzjoni kienet strumentali biex tingħalaq darba għal dejjem il-power station tal-Marsa. “Irridu nkomplu nagħmlu ġustizzja ma’ din iż-żona u nagħtu l-isbaħ proġett li qatt wettaq Gvern fl-istorja moderna ta’ pajjiżna,” tenna jgħid Dr Abela.
Huwa qal li l-Gvern jemmen tassew fil-potenzjal ta’ din iż-żona u l-lokalitajiet tal-madwar, partikolarment il-Marsa li għandha potenzjal enormi u għalhekk qed jitmexxa ’l quddiem dan il-pjan ħolistiku li se jwassal għall-investiment ta’ kwalità li joħloq il-ġid. Proġett li huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050.
Dr Abela qali li l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jgħaqqad ma’ ħames proġetti oħra li l-Gvern nieda riċentament. Dak ta’ Manoel Island, tal-WhiteRocks, Forti San Salvatur, Forti Tigné , u Forti Campbell. “Dawn huma ħames proġetti li se nwettquhom biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna. Filwaqt li l-ambizzjoni hija waħda kbira, ir-rieda għat-twettieq hija akbar,” sostna l-Prim Ministru.
Dr Abela assigura wkoll li l-karatteristiċi tal-port mhux se jinbidlu anzi se joħorġu aktar bil-wirt li ħallewlna missirijietna. Filwaqt li tenna li kull lokalità li tmiss ma’ dan il-port se tgawdi minn din ir-riġenerazzjoni.
Waqt il-preżentazzjoni tal-pjan tar-riġenerazzjoni tkellmet ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli li sostniet, “Irridu Port il-Kbir li jirrispetta minn fejn ġejjin, il-wirt u l-istorja u li joħodna lejn il-ġejjieni, b’investiment f’setturi ġodda. Għalhekk il-pjanijiet għal din iż-żona jridu jippermettu ferm iktar minn dak li hemm sal-lum.” Spjegat kif il-konsultazzjoni li tħabbret illum trid tkun waħda miftuħa. “Nifhmu li kull bidla ġġib magħha mistoqsijiet. Imma nafu wkoll li hawn ħafna potenzjal li jekk ikun sfruttat tajjeb pajjiżna jmur għall-aħjar,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), l-Inġ. Ryan Fava spjega kif dan il-proġett iħares li jirriġenera l-parti tal-power station l-antika, il-parti tal-Menqa u l-parti tad-Deep Water Quay u s-swar tal-Floriana. “Huwa proġett importanti għax għandna port ħaj. Illum tellaqna konsultazzjoni pubblika għax irridu nisimgħu aktar m’għand in-nies u se nkomplu wkoll bil-konsultazzjonijiet mal-istakeholders sabiex dan il-proġett nazzjonali nmexxuh ’il quddiem,” qal l-Inġ. Fava.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi spjega kif f’dawn l-aħħar snin, il-Korporazzjoni wettqet diversi proġetti madwar il-Belt Valletta, il-Floriana u l-Kottonera, inkluż il-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Kalkara u d-daħla tal-Isla. “Issa wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-Marsa, lokalità importanti ħafna li tul is-snin kellha ġġorr l-piż t’attività industrijali qawwija. Wasal iż-żmien tar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona u permezz ta’ dan il-pjan qed inħabbru l-kunċett ta’ kif tista’ tingħata l-ħajja mill-ġdid, għall-benefiċċju tal-pajjiż kollu kemm hu,” qal Gino Cauchi.
Adrian Griffiths, Direttur tal-bord tal-grupp Chapman Taylor, iddeskriva l-Port il-Kbir bħala “world class” bi storja ta’ difiża li hija viżibbli fl-arkitettura tiegħu. “Bħala periti nemmnu ħafna fl-istorja, fil-kultura u fil-wirt. Dak li ppruvajna nwasslu f’din il-viżjoni huwa kunċett li jidħol b’mod naturali fil-Port il-Kbir,” qal Griffiths. Spjega kif fil-kunċett ingħatat importanza kbira lil spazji li joħolqu opportunitajiet kulturali u li jġibu lin-nies flimkien, b’bosta spazji pubbliċi u aktar konnettività mal-Belt Valletta.
Chapman Taylor hija kumpanija li topera minn 13-il studio tad-disinn madwar id-dinja.
Id-dettalji dwar dan il-proġett jistgħu jinkisbu mis-sit https://ghrc.gov.mt/revival/. Il-konsultazzjoni pubblika se ddum miftuħa sitt ġimgħat.







