Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Raffaele Fitto

26/03/2026

Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Koeżjoni u r-Riformi, Raffaele Fitto, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li għal Malta, il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea hija essenzjali biex tappoġġja investiment fl-infrastruttura, fl-iżvilupp tal-ħiliet, fid-diversifikazzjoni ekonomika u fl-inklużjoni soċjali. Dan filwaqt li tgħin biex issaħħaħ ir-reżiljenza ta’ pajjiżna quddiem sfidi ekonomiċi u ġeopolitiċi li kulma jmur dejjem qed jikbru.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru enfasizza li Stati Membri żgħar, gżejjer u fil-periferija tal-kontinent Ewropew, bħalma hu pajjiżna, iħaddnu realtà partikolari minħabba numru ta’ sfidi li dawn jiffaċċjaw, inkluż dik tal-insularità, il-konnettività, is-sigurtà tal-ilma u tal-enerġija. Fl-isfond ta’ dan kollu l-Prim Ministru saħaq fuq il-ħtieġa li waqt id-diskussjonijiet dwar il-qafas finanzjarju tal-UE għal wara l-2027 jibqa’ jiġi enfasizzat il-bżonn ta’ qafas aktar flessibbli u proporzjonat, biex b’hekk il-politika ta’ koeżjoni tibqa’ tissarraf f’riżultati konkreti u ta’ valur għaċ-ċittadini kollha.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia, il-Konsulent tal-Prim Ministru fuq l-Affarijiet Ewropej, Leandro Borg u s-Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej, Jonathan Vassallo.

FacebookTwitter