Iffirmat ftehim għall-ikbar investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili

PR260675

20/04/2026

Sa mill-2022 il-Gvern ikkonkluda madwar 140 ftehim għall-ħaddiema u investa maż-żewġ biljun ewro f’żidiet biss

Fiċ-ċerimonja tal-iffirmar ta’ ftehim ieħor settorjali li fisser l-ikbar investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jħossu kburi li qed immexxi pajjiż li jinvesti bis-saħħa fil-ħaddiema. Il-ftehim kompla jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-progressjoni tal-karriera tal-uffiċjali f’dan il-korp tant importanti għall-pajjiżna.

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li kull ftehim settorjali li jiġi ffirmat ifisser pass ieħor ’il quddiem fit-tisħiħ tal-qagħda tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom. 

Huwa spjega li dan il-ftehim huwa wieħed minn kważi 140 ftehim settorjali li ġew konklużi sa mill-2022 ’l hawn. Fl-istess waqt il-Prim Ministru nnota kif f’żidiet biss, il-Gvern investa madwar żewġ biljun ewro – investiment b’saħħtu fil-ħaddiema u li sar possibbli bis-saħħa tal-ekonomija b’saħħitha li għandu pajjiżna.

Dan huwa ftehim settorjali ieħor għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, wara dak iffirmat fl-2021.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li kienet din l-amministrazzjoni li bidlet il-liġi fl-2015, biex il-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati ngħataw id-dritt li jissieħbu f’unjin, u b’hekk infetħet it-triq biex bdew jiġu nnegozjati u ffirmati dawn il-ftehimiet.

Il-ftehim il-ġdid għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili se jwassal għal titjib sostanzjali fil-progressjoni u l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali. Fost oħrajn, dan il-ftehim b’saħħtu qed jagħti allowance ta’ elf u ħames mitt ewro u żieda minn tal-inqas ta’ elfejn u mitejn ewro fis-sena għal kull uffiċjal. Dan apparti l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol bi scale progression aktar mgħaġġel.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa eżempju konkret ta’ kif il-prinċipji soċjali favur il-ħaddiema u l-familji qed jissarrfu f’miżuri tanġibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Huwa saħaq li minkejja l-isfidi internazzjonali li qed taffaċċja d-dinja, pajjiżna qed jibqa’ joffri stabbiltà, serħan il-moħħ u pjanijiet b’saħħithom għal setturi importanti bħal dak tal-Protezzjoni Ċivili.

Dr Abela rringrazzja lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili għad-dedikazzjoni u x-xogħol siewi tagħhom, filwaqt li nnota kif dawn ikunu minn tal-ewwel li jwieġbuf’mumenti ta’ emerġenza u sfidi, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. 

Huwa semma l-investiment li l-Gvern qed ikompli jagħmel f’dan il-korp permezz ta’ aktar tagħmir, vetturi speċjalizzati, għodod moderni u titjib fl-istazzjonijiet, biex il-pajjiż ikun aktar preparat.

Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-ftehim mhuwiex biss investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, iżda parti minn viżjoni usa’ ta’ Gvern li jrid ikompli joħloq il-ġid ekonomiku li jissarraf f’opportunitajiet aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li meta jsalvaw jew jipproteġu, forsi l-kelma prosit dawn il-ħaddiema jisimgħuha ħafna, “u jkun ħaqqkom. Però bħala Gvern nemmnu li l-prosit għandna mhux biss ngħiduh, iżda nwettquh bil-fatti. Għaliex verament napprezzaw li tagħmlu, iżda aktar minn hekk dejjem irridu li nkunu f’pożizzjoni aħjar biex insalvaw u nipproteġu – għaliex fl-aħħar mill-aħħar tgawdi s-soċjetà Maltija u Għawdxija.” 

Il-Ministru Camilleri sostna li huwa għalhekk li l-Gvern qed jinvesti kontinwament fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema.

FacebookTwitter