25/09/2024
Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li qed titlaqqa’ fi New York. Fil-laqgħa ġew diskussi diversi temi fosthom il-paċi u s-sigurtà u l-bżonn tagħhom partikolarment fil-Lvant Nofsani u l-Ukrajna.
Dr Abela rrimarka għall-koperazzjoni reġjonali u pajjiżna qed jagħmel dan anki bħalissa bil-Presidenza tal-OSCE. Huwa faħħar il-multilateraliżmu muri mill-Kunsill tal-Ewropa f’dan l-aspett fosthom ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma hi l-OSCE. Il-Prim Ministru Malti qal li qed iħares ’il quddiem lejn il-Presidenza ta’ Malta ta’ dan il-Kunsill minn Mejju li ġej sa Novembru tas-sena d-dieħla.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Malti għat-taħdidiet bilaterali kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Christopher Cutajar, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.