15/03/2025
Is-Sibt filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela żar JA Marketplace 2025 fid-daħla tal-Belt fejn għadd ta’ żgħażagħ imprendituri ltaqgħu flimkien u preżentaw prodotti innovattivi li bihom itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies iżda anki jħarsu lejn il-qalbiet importanti li qed jgħaddi minnhom pajjiżna, primarjament dik tas-sostenibbiltà.
Dr Abela tkellem maż-żgħażagħ u l-organizzaturi minn JA Malta. Huwa nnota l-innovazzjoni u l-ħsieb kreattiv ta’ żgħażagħ Maltin. Spjega kif pajjiżna permezz tal-Malta Enterprise jgħin start-ups li huma importanti għall-eko-sistema li tkompli tibni futur ekonomiku ta’ kwalità. Pajjiżna għadu kif reġa’ ġie rikonoxxut bħala destinazzjoni ewlenija għall-istartups innovattivi u żamm ir-raba’ post fl-Ewropa. Dan ħareġ mir-Rapport Startup Nations Standard maħruġ mill-Europe Startup Nations Alliance.