STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR220856

24/06/2022

Il-Prim Ministru jattendi għal-Laqgħa bejn il-Mexxejja Ewropej u tal-Balkani tal-Punent, Kunsill Ewropew u Euro Summit

Matul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa, fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa f’laqgħa bejn il-Mexxejja Ewropej u dawk tal-Balkani tal-Punent, laqgħa tal-Kunsill Ewropew u Euro Summit.

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, it-tkabbir u l-futur tal-Ewropa u kwistjonijiet ekonomiċi.

Il-Mexxejja Ewropej qablu li l-Ukrajna u l-Moldova jingħataw status ta’ kandidat fuq numru ta’ kundizzjonijiet, wara l-applikazzjoni tagħhom għas-sħubija tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-Ġorġja tingħata dan l-istatus malli tilħaq ċertu kriterji elenkati mill-Kummissjoni Ewropea.

Fil-kuntest li fil-jum tal-Ħamis il-Mexxejja Ewropej kellhom laqgħa mal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent, il-Prim Ministru Malti saħaq li pajjiżna jappoġġja bi sħiħ l-aspirazzjonijiet politiċi Ewropej tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Dwar l-Ukrajna l-Prim Ministru saħaq li Malta tibqa’ mħassba bis-sitwazzjoni u se tibqa’ tagħmel il-parti tagħha fil-kawża umanitarja.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’mod kollettiv, l-Unjoni Ewropea trid tisma’ u tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini tagħha li qed jintlaqtu ta’ kuljum mill-effetti ta’ dan il-kunflitt.

“Is-sanzjonijiet huma għodda importanti u effettivi iżda rridu nindirizzaw is-sostennibiltà u l-impatt tagħhom,” irrimarka l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru semma effetti oħra tal-gwerra fl-Ukrajna, fejn f’pajjiżi fin-Nofsinhar, bħal fl-Afrika, jeżisti r-riskju ta’ persuni jmutu bil-ġuħ u instabilità politika.

Dawn ilkoll fatturi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-immigrazzjoni irregolari.

Kien għalhekk li f’dan il-kuntest aċċenna fuq il-ħtieġa li l-Mexxejja Ewropej flimkien jindirizzaw l-effetti globali tat-tensjoni fil-Lvant tal-Ewropa, b’azzjonijiet strateġiċi favur is-sigurtà tal-ikel f’ċertu reġjuni.

Il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll fid-diskussjoni dwar kwistjonijiet ekonomiċi, u hawn qal li Malta tisħaq fuq kordinazzjoni fil-politika ekonomika tal-Unjoni Ewropea biex nassiguraw stabilità ekonomika li tibqa’ twassal għal prosperità.

Fil-Kunsill qamet diskussjoni dwar is-settur tal-enerġija, b’Malta taqbel li l-Unjoni Ewropea tesplora koperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali oħra biex tilqa’ għall-impatt ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.

Dwar it-tema tal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa, il-Prim Ministru saħaq li wara li din ġiet fi tmiemha bi proċess konsultattiv maċ-ċittadini Ewropej, ħidmietna tibda biex nindirizzaw il-proposti mressqa ’l quddiem.

Hawn il-Prim Ministru nnota pożittivament li dak li dejjem aċċennat għalih Malta, jiġifieri li dak li jridu ċ-ċittadini mhux neċċessarjament jeħtieġ tibdil fit-Trattat preżenti tal-Unjoni, kienet il-konklużjoni tas-servizzi tekniċi tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-Ewropa f’sens wiesa’, fejn id-diskussjonijiet saru dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mas-sħab tagħha fl-Ewropa, inkluż dwar kif jitrawwem id-djalogu politiku u jissaħħu s-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità tal-kontinent Ewropew.

Dwar il-pjattaforma ta’ Ewropa f’sens wiesa’, il-Prim Ministru sostna li din hija opportunità għal Malta biex tkompli ssaħħaħ relazzjonijiet ma’ sħab strateġiċi barra l-Unjoni Ewropea, bħal ma hu r-Renju Unit.

Fil-jum tal-Ġimgħa kien hemm Summit tal-Euro fejn Malta appoġġjat id-dħul tal-Kroazja fiż-Żona Ewro mill-bidu tas-sena d-dieħla.

FacebookTwitter
Skip to content