STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221116

31/08/2022

Il-paċi u l-istabbiltà dinjija huma kruċjali biex il-popli ma jkomplux ibatu l-konsegwenzi – il-Prim Ministru Robert Abela

Matul żjara li l-Prim Ministru tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali Libjan Abdul Hamid Dbeibah għamel f’pajjiżna l-Erbgħa waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-paċi u l-istabbiltà dinjija huma kruċjali meta bħalissa teżisti klima internazzjonali bi sfidi kbar li qed tinbidel kontinwament. “L-isfidi ġejjin mit-tibdil fil-klima, l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel qed iħallu l-konsegwenzi tagħhom u l-ogħla prezz qed iħallsuh in-nies”, qal il-Prim Ministru Abela.

Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, Malta mhux se tkun indifferenti, tenna l-Prim Ministru. “Se nkomplu nitkellmu favur il-paċi u d-djalogu biex il-kunflitti jissolvew b’mod paċifiku”, qal Dr Abela. Dwar il-każ tal-Libja, li fl-aħħar jiem reġgħet esperjenzat ġlied kawża ta’ kunflitti politiċi, il-Prim Ministru qal li huwa konxju li dawn iċ-ċirkostanzi huma ta’ sfida. Iżda esprima l-fehma tiegħu li l-futur tal-poplu Libjan u s-soluzzjonijiet li għandhom jinstabu, jista’ jsibhom il-poplu Libjan innifsu, mingħajr ebda influwenza esterna.

Saħaq li Malta tibqa’ sieħeb strateġiku tal-Libja. Kemm permezz tal-istorja bejn iż-żewġ pajjiżi, il-pożizzjoni ġeografika kif ukoll ir-relazzjonijet tajbin bejn iż-żewġ popli. Qal li l-Libja se tkompli ssib lil Malta timbotta ‘l quddiem il-kawża tal-Libja hekk kif Malta se tpoġġi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Matul il-laqgħat li kellhom, iż-żewġ delegazzjonijiet identifikaw oqsma komuni għaż-żewġ pajjiżi li fuqhom tista’ ssir iktar kollaborazzjoni. Ewlenin fosthom il-politika dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-edukazzjoni u s-saħħa, fost l-oħrajn. Dawn il-koperazzjonijiet bilaterali jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet tajbin li dejjem kellhom iż-żewġ pajjiżi.

Preżenti għal-laqgħat bilaterali għan-naħa tal-Gvern Malti kien hemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministri Ian Borg, Silvio Schembri, Byron Camilleri, Miriam Dalli u Clyde Caruana.

FacebookTwitter
Skip to content