STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221311

05/10/2022

Laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-GWU: Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq li l-Budget 2023 mhux se jkun difensiv biss iżda ambizzjuż ukoll biex ikattar l-investiment​

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-General Workers’ Union fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Budget li se jitressaq għas-sena d-dieħla mhux se jkun difensiv biss iżda wieħed ambizzjuż ukoll biex ikattar l-investiment u jġib iżjed xogħol.​​

Għall-ikbar parti tal-laqgħa, il-Prim Ministru u l-ministri preżenti semmgħu l-ħsibijiet tat-tmexxija u r-rappreżentanti tal-GWU, fi proċess ta’ konsultazzjoni li qed jagħmel il-Gvern.

F’kuntest tal-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja spjega kif f’pajjiżna xorta hawn għatx għal aktar impjiegi minn min iħaddem u saħaq fuq il-ħtieġa li nkomplu nsaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema f’Malta.​

Is-Sur Bugeja aċċenna għall-importanza tad-djalogu soċjali u wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern se jibqa’ jsostni l-għajnuna fis-settur tal-enerġija u ċ-ċereali.

Il-General Workers’ Union saħqet ukoll dwar il-fatt li l-mekkaniżmu preżenti ta’ kif jiġi stabbilit l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja (COLA) għandu jibqa’ jiġi segwit, bl-unjin se tibqa’ miftuħa għal diskussjonijiet futuri.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-akbar għajnuna li għandha tibqa’ tingħata lil min l-aktar jeħtieġha, fosthom lill-familji bl-inqas dħul u lill-pensjonanti.

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Gvern huwa determinat li jkompli jgħin u jwieżen, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija, hekk kif f’dawn is-sentejn, il-Gvern se jkun qed jgħin b’aktar minn biljun ewro biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija u l-piżijiet ma jintefgħux fuq il-ħaddiema u l-familji.

Qal li l-Budget li ġej huwa wieħed partikolari, anki wisq iżjed mill-aħħar tnejn li tressqu waqt pandemija.

Il-Prim Ministru saħaq ukoll li l-Budget 2023 se jkun l-ewwel wieħed minn ħamsa li se jibnu fuq xulxin biex jiġi implimentat il-pjan ta’ ħidma u jitwettqu l-wegħdi kollha.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministri Clyde Caruana, Julia Farrugia Portelli u Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Glenn Bedingfield.

FacebookTwitter
Skip to content