STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221339

07/10/2022

Il-Prim Ministru jattendi għal summit fi Praga

Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal-laqgħat fi Praga, fuq jumejn, flimkien mal-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej. Matul dan is-summit, il-Prim Ministru pparteċipa f’laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea u laqgħa informali tal-mexxejja tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea.

Matul il-jum tal-Ħamis, ġiet imnedija għall-ewwel darba l-Komunità Politika Ewropea, li l-għan tagħha huwa li ġġib flimkien il-membri stati tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra Ewropej u tipprovdi pjattaforma għal aktar koordinazzjoni politika bejn dawn il-pajjiżi.

Waqt l-intervent tiegħu f’din il-laqgħa, fejn ġew diskussi diversi temi fosthom il-paċi u s-sigurtà, l-enerġija u l-klima, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jeħtieġ kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej u ħidma kollettiva biex jiġu indirizzati l-isfidi preżenti, speċjalment dik taż-żieda fil-prezz tal-enerġija. Kompla li l-Gvern Malti kommess li, kif diġà għamel, ikompli jipproteġi liċ-ċittadini vulnerabbli minn kontijiet għolja tal-enerġija.

“Ser inkomplu nikkonfrontaw dawn l-isfidi ħalli filwaqt li ma nħallu lil ħadd warajna, inkomplu nagħtu futur aħjar liċ-ċittadini tagħna,” tenna l-Prim Ministru.

Matul il-jum tal-Ġimgħa, il-exxejja tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu għal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew, fejn il-Prim Ministru Robert Abela ffoka fuq it-tema ewlenija tal-enerġija fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna.

Dwar dan, il-Prim Ministru enfasizza li huwa preokkupat bis-sitwazzjoni ekonomika kurrenti, speċjalment dik tal-prezzijiet għolja tal-enerġija, li qed twassal għall-inċertezza kbira fl-Ewropa kollha. Huwa sostna li pajjiżna huwa dipendenti fuq l-elettriku u kwalunkwe impożizzjoni biex tonqos id-domanda tal-elettriku jkollha impatt negattiv fuq il-familji Maltin u Għawdxin kif ukoll fuq in-negozji. Madanakollu, Malta taqbel mal-miżuri proposti fil-pjan t’azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għaliex jikkumplimentaw l-isforzi tagħna bħala pajjiż.

“Fuq l-enerġija, il-Gvern Malti ħa azzjoni u qed nipprovdu l-appoġġ neċessarju biex kemm jista’ jkun intaffu mill-impatt soċjali u ekonomiku tal-prezzijiet għolja fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Ħadna wkoll miżuri sabiex innaqqsu d-domanda tal-elettriku mhux biss fis-settur pubbliku iżda qed inħeġġu wkoll lis-settur privat u anke liċ-ċittadini biex inkunu aktar effiċjenti fl-użu tal​​-enerġija u tonqos il-ħela,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela.

Waqt din il-laqgħa kompliet id-diskussjoni dwar l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa fil-gwerra fl-Ukrajna, fejn il-ġimgħa li għaddiet stess, il-mexxejja tal-UE rrifjutaw u kkundannaw bil-qawwa l-annessjonijiet illegali mħabbra mir-Russja.

F’dan il-kuntest, il-prim ministru sostna li Malta qiegħda u ser tkompli tipprovdi s-sapport neċessarju lill-Ukrajna, kif ukoll qed taċċetta t-tmien pakkett ta’ sanzjonijiet.

“Malta, li hija l-unika membru tal-UE li ġiet eletta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ser tkompli titkellem favur it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna, filwaqt li nkomplu nisħqu fuq il-bżonn li l-għajnuna umanitarja tasal għand dawk kollha l-iktar fil-bżonn,” ikkonkluda l-Prim Ministru Robert Abela.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content