PR221357
10/10/2022
Laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Kamra tal-Kummerċ: Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq fuq ambjent li fih wieħed jinvesti
F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Kamra tal-Kummerċ fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa li jibqa’ jiġi ffaċilitat in-negozju.
Dr Abela kien qed jitkellem f’kuntest li pajjiżna għadda mill-proċess tal-MoneyVal u tal-FATF b’suċċess frott ħidma kollettiva.
Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna llum għandu ċertifikati ta’ ġurisdizzjoni serja u b’saħħitha u huwa importanti li nisfruttaw dawn il-fatti.
Hawn saħaq li dawn il-kisbiet iridu jkunu l-bażi biex f’pajjiżna nkomplu noħolqu ambjent fejn wieħed jinvesti u jkabbar in-negozju tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-aspett ta’ governanza li ħloqna irid iservi biex ma nibżgħux nieħdu d-deċiżjonijiet biex pajjiżna jkompli jikber u jesperjenza tkabbir ekonomiku bi prijoritajiet ġodda, fosthom il-qalba diġitali u l-ambjent.
Dr Abela għamel referenza għal miżura mill-manifest elettorali li l-poplu ta mandat ċar fuqu, dik tad-dritt għal kont tal-bank bażiku li jrid jiġi estiż anki għal dawk li jaħdmu għal rashom u n-negozji.
Fil-laqgħa l-Prim Ministru Robert Abela bagħat messaġġ ċar fuq sistema ta’ due diligence ċentralizzata li ma tibgħatx lin-negozju minn post għall-ieħor iżda li tkun sistema retta u li taqta’ l-burokrazija.
Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ permezz tal-President Marisa Xuereb tat preżentazzjoni tal-proposti tagħha għall-Budget 2023.
Marisa Xuereb spjegat kif id-dokument li qed tippreżenta l-Kamra tal-Kummerċ iħares fit-tul u sar wara konsultazzjoni wiesgħa fi gruppi ekonomiċi fi ħdan l-istess Kamra.
Xuereb spjegat li laqgħat bħal dawn jipprovdu opportunità biex niddiskutu l-isfidi li qed naffaċċjaw u kif nistgħu nimmitigawhom permezz ta’ politika li tippromwovi l-investiment fl-infrastruttura, l-innovazzjoni u l-effiċjenza fl-operat, ir-responsabilità fil-konsum tal-energija u s-sostenibbiltà ambjentali u l-governanza tajba.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Ian Borg, Silvio Schembri u Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Omar Farrugia u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.