PR221407
17/10/2022
Laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-MHRA: Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol biex ikollna ITS state of the art fi Smart City
F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda l-iskavar ħalli mbagħad jimxi l-proċess tax-xogħol biex ikollna l-proġett ambizzjuż ta’ kampus ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi fi Smart City.
Dan wara li fis-sajf li għadda ntlaħaq ftehim biex fi Smart City ikun hemm sit apposta għall-ITS u b’hekk jitwettaq proġett kapitali ieħor.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif fl-aħħar xhur rajna settur turistiku li qed jirpilja mid-daqqiet tal-pandemija u llum wasalna għal seat load factor ta’ 90% fuq it-titjiriet.
Hawn semma kif se tibqa’ għaddejja ħidma biex jiżdiedu t-titjiriet lejn pajjiżna u sostna wkoll fuq il-ħtieġa ta’ linja nazzjonali tal-ajru viabbli.
Dr Abela rrimarka li huwa sodisfatt li din is-sena se naqbżu ż-żewġ miljun turist f’pajjiżna u li l-qasam turistiku jibqa’ settur kruċjali għall-ekonomija Maltija.
F’dan l-isfond huwa saħaq fuq il-prodott turistiku u aċċenna li l-Gvern huwa determinat li jibqa’ jinvesti fil-kwalità għas-settur turistiku.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-kwalità tal-ħaddiem li jagħti servizz fil-qasam turistiku.
“Wara pandemija u waqt gwerra fl-Ewropa, l-ażjendi f’pajjiżna jibqgħu jitkellmu magħna dwar il-ħtieġa ta’ iktar ħaddiema. Dan il-fatt jixhed it-tkabbir f’pajjiżna li ma waqafx jikber u se jibqa’ jikber,” sostna il-Prim Ministru fil-laqgħa mal-MHRA.
Hawn qal li quddiem dan kollu rridu nkunu responsabbli u nħarrġu l-ħaddiema Maltin f’settur li jeżistu l-opportunitajiet.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk involuti fil-qasam turistiku għall-investiment tagħhom biex Malta ttejjeb il-prodott turistiku tagħha, il-Prim Ministru saħaq li filwaqt li pajjiżi oħra jitkellmu dwar kif se jkollhom provvista tal-enerġija u li tkun affordabbli, pajjiżna qed iħares fuq kif irid jgħolli l-livell tal-prodott turistiku.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra ngħaqad mal-Prim Ministru dwar l-importanza tat-taħriġ u titjib fil-prodott turistiku Malti.
Saħaq li l-konnettività hija importanti għal gżira li tattira lit-turisti.
Dan filwaqt li rrikonoxxa kif is-sussidju tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija għen ukoll lill-operaturi turistiċi.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Clint Camilleri u Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputati tal-Gvern Carmelo Abela u Cressida Galea.