STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

PR221491

02/11/2022

Inawgurat iċ-Ċentru Komunitarju tal-Caritas: Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq li rridu nibqgħu sensittivi għall-ħtiġijiet tan-nies

“Bħala gvern irridu nibqgħu sensittivi għall-ħtiġijiet tan-nies filwaqt li nirrikonoxxu li kulħadd ħaqqu t-tieni opportunità.” Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela f’indirizz li għamel qabel ma inawgura ċ-Ċentru Komunitarju tal-Caritas fi Blata l-Bajda. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dan iċ-ċentru sar b’impenn soċjali minn bosta fosthom anke l-gvern, li alloka iżjed minn €2 miljun minn fondi Ewropej u €1 miljun mogħtija lil Caritas Malta mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, il-fond li jamministra fl-aqwa interess tal-poplu l-fondi mill-programm ta’ residenza b’investiment. Dan apparti li l-prim ministru qal li bi ftehim mal-Caritas, is-sena d-dieħla l-gvern qed jiddedika madwar €2.8 miljun biex il-Caritas tkompli bis-servizzi tagħha fiċ-Ċentru tal-Ibwar, fiċ-Ċentru New Hope f’San Blas u f’Dar Charles Miceli.

“Lil hinn mill-ġebel u l-binja nnifisha, dan iċ-ċentru komunitarju huwa dar ta’ servizz għan-nies f’ambjent sabiħ”, saħaq il-prim ministru dwar iċ-ċentru l-ġdid tal-Caritas li joffri diversi servizzi fosthom dak ta’ outpatient għal persuni b’riabilitazzjoni mid-droga u appoġġ lil dawk bi sfidi ta’ saħħa mentali u problemi ta’ użura. Qabel dar il-binja, il-prim ministru tkellem ukoll mill-esperjenza tiegħu ta’ ħidma fi ħdan il-Caritas u fisser din l-organizzazzjoni bħala minjiera ta’ opportunitajiet li taħdem fi skiet, b’imħabba u mingħajr ma tħares lejn uċuħ.

Dr Abela rringrazzja lill-ħaddiema u lill-professjonisti tal-Caritas, li f’dan iċ-ċentru anke jaħdmu ma’ qraba ta’ persuni li qed jippruvaw jegħlbu xi vizzju u spjega li l-ħaddiema jagħtu servizz b’dinjità liema bħalha. Il-prim ministru sostna li l-appoġġ finanzjarju li ta l-gvern biex binja abbandunata tinbidel f’ċentru ta’ servizzi komunitarji jixhed l-impenn soċjali li għandu l-gvern u li qed ikompli jintwera bil-Budget li tressaq għas-sena d-dieħla fejn hemm bosta miżuri li jindirizzaw l-isfidi ta’ persuni differenti. Fost il-miżuri li semma kien hemm il-kumpens addizzjonali li se jagħti l-gvern għall-familji vulnerabbli milquta mill-għoli tal-ħajja, l-għajnuna ta’ €10,000 fuq għaxar snin lill-first-time buyers u ż-żidiet lill-pensjonanti u fiċ-children’s allowance. Il-prim ministru nnota stqarrijiet pubbliċi tal-Caritas u fisser li dawn huma importanti biex inkomplu nilħqu għan komuni, dak li ħadd ma’ jaqa’ lura fis-soċjetà tagħna.

“Dan iċ-ċentru huwa tassew xhieda ta’ pajjiż fejn il-valur tar-ruħ soċjali għadu b’saħħtu”, irrimarka l-Prim Ministru Robert Abela hu u jsostni l-appoġġ li l-gvern irid jibqa’ jagħti lis-settur tal-volontarjat f’pajjiżna, aspett ieħor importanti f’ħidmet il-Caritas. Dr Abela temm jawgura lill-Caritas u lill-Knisja f’Malta għal dan il-proġett ta’ fejda u saħaq li pajjiżna irid jibqa’ jsostni u jgħin lil min jiflaħ l-inqas filwaqt li għamel kuraġġ għal dawk li qed jirċievu l-għajnuna mill-Caritas.

FacebookTwitter
Skip to content