Studenti Maltin li qed jistudjaw għal tobba b’opportunità li jservu fl-Ospedale Pediatrico Bambino Gesù

PR230689

10/05/2023

Studenti li qed jistudjaw fir-raba’ sena tal-kors tal-mediċina se jkollhom l-opportunità li jservu f’dak li huwa magħruf bħala l-isptar tal-Vatikan, l-Ospedale Pediatrico Bambino Gesù – wieħed mill-aqwa sptarijiet pedjatriċi. Dan bi ftehim li se jkun ffirmat fil-jiem li ġejjin, li qed ikompli jsaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede. 

Dan ġie rrimarkat mill-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, li matula l-Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern Malti se jkun qed jagħti b’donazzjoni lill-klinika tal-fqar Ambulatorio Madre Della Misericordia imwaqqfa mill-Papa Franġisku, pneumatometer, li huwa apparat mediku speċjalizzat. 

Matul din il-laqgħa, ġiet diskussa ukoll ir-relazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ stati, bil-Prim Ministru jirrimarka li t-tnejn iħaddnu valuri soċjali u jaħdmu favur il-ġustizzja soċjali. 

Fost oħrajn, il-Gvern Malti qed iwettaq ħidma kontinwa biex jindirizza sfidi ekonomiċi marbuta mal-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil, biex jipproteġi u joffri stabbiltá lill-familji u lin-negozji. Dan fi sfond tal-importanza li l-Gvern qiegħed jagħti l-istat soċjali taċ-ċittadini fosthom b’servizz tas-saħħa, servizz ta’ childcare, trasport pubbliku u edukazzjoni mingħajr ħlas. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega ukoll li qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi assigurata ekonomija sostenibbli, fosthom bit-tranżizzjoni diġitali u ħadra, dejjem bl-għan li tkompli titjib il-kwalitá tal-ħajja tal-familji. 

Il-gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni fis-Sudan u fil-Libja u l-imigrazzjoni fil-mediterran kienu ukoll fuq l-aġenda. Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li Malta dejjem taħdem favur il-paċi u bħala pajjiż membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda nibqgħu kommessi li noffru appoġġ umanitarju.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Owen Bonnici, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Vatikan Frank Zammit u mill-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.​

FacebookTwitter
Skip to content