Is-Servizz Pubbliku se jkun protagonist tal-bidla lejn il-qalba diġitali u ambjentali

PR230696

11/05/2023

Fl-MFCC Ta’ Qali, fejn qed tittella’ l-ewwel edizzjoni tal-Public Service Expo, tlaqqa’ l-Kabinett li ddiskuta s-Servizz Pubbliku. Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru u l-Kabinett tal-Ministri semgħu mingħand diversi persuni, kemm studenti, imprendituri u uffiċjali pubbliċi, dwar l-esperjenza tagħhom relatata mas-servizz pubbliku, kif ukoll suġġerimenti ta’ kif jista’ jissaħħaħ dan is-servizz.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li s-Servizz Pubbliku se jkun protagonist tal-bidla lejn il-qalba diġitali u ambjentali biex pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem. Tenna li l-istess Servizz Pubbliku jrid jiffaċilita dawn il-bidliet għall-kumplament tas-soċjetà, filwaqt li jkompli jsaħħaħ is-servizz li jirċievi kull ċittadin.

Il-Prim Ministru semma li fil-bidla diġitali, fl-aħħar ħames snin, il-Gvern investa ħames mitt miljun ewro fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Dan wassal sabiex nibqgħu fil-quċċata tal-e-government fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Semma kif id-diġitalizzazzjoni twassal biex jitjieb l-operat ta’ setturi kruċjali bħal dawk tas-saħħa u l-ġustizzja. Tkellem ukoll dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) li trid tkun fiċ-ċentru tal-bidliet kbar u kif l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-AI għandha l-għan li tipprepara lil pajjiżna biex jadotta l-AI fil-proċessi u s-sistemi tiegħu.

F’dak li jirrigwarda riformi ambjentali, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li s-Servizz Pubbliku qed jibqa’ jkun fuq quddiem nett biex iwettaq il-bidliet neċessarji biex nilħqu l-miri stabbiliti. Hawnhekk semma l-qalba għal 250 vettura elettrika li jintużaw fl-amministrazzjoni pubblika. Semma wkoll it-trasformazzjoni li trid issir fil-binjiet pubbliċi, bħall-proġett li tlesta ta’ Project House fil-Floriana, biex ikunu aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija.

Il-Prim Ministru tkellem dwar is-servizz li jingħata lill-pubbliku li għandu jkun effiċjenti u ta’ kwalità. Semma kif numru ta’ dipartimenti diġà ġew rikonoxxuti għas-servizz ta’ eċċellenza li jagħtu lill-pubbliku, fejn ingħataw Quality Label. Hawnhekk enfasizza li kull dipartiment għandu jilħaq dan il-livell.

Il-Prim Ministru sema’ dak li kellhom xi jgħidu l-persuni li tkellmu waqt il-Kabinett u tenna li din kienet okkażjoni opportuna biex jisimgħu dak li kellhom xi jgħidu n-nies. “Ejja nieħdu dawn is-suġġerimenti u ntejbu s-sistemi tagħna. Ejja nibqgħu nisimgħu lill-klijent għaliex hekk biss nistgħu niddisinjaw u noffru servizz ta’ eċċellenza. Ejja nibqgħu viċin in-nies, għaliex hekk biss nistgħu nagħmlu d-differenza,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Waqt il-laqgħa tkellem ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana. Fl-indirizz tiegħu qal li s-Servizz Pubbliku qed ikompli jħares ‘il quddiem u jintroduċi riformi moderni u innovattivi, li jevitaw xogħol amministrattiv żejjed u jżidu l-effiċjenza.

Is-Sur Sultana sostna li dawn ir-riformi jirrispettaw u jsaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, iżda wkoll jindirizzaw dejjem aktar il-bżonnijiet tal-pubbliku biex aktar servizzi jaslu għand aktar nies bl-aktar mod faċli. B’hekk bi sforz kollettiv, is-Servizz Pubbliku jkompli jimmodernizza ruħu u lil pajjiżna għal aktar riżultati pożittivi.

Qabel bdiet il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Public Service Expo, li qed tiġbor fi ħdanha sistemi teknoloġiċi varji li jintużaw ta’ kuljum mis-Servizz Pubbliku. Din l-Expo innovattiva se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ġimgħa, 12 ta’ Mejju 2023.​

FacebookTwitter
Skip to content