L-attiviżmu b’saħħtu taż-żgħażagħ ikompli jimbotta bidliet f’pajjiżna – il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-KNŻ

PR230782

25/05/2023

F’laqgħa ma’ membri tal-eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jħares ‘il quddiem biex ikompli jiżdied l-attiviżmu taż-żgħażagħ fil-politika biex inġibu aktar bidliet f’pajjiżna. Fil-laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru nnota kif iż-żgħażagħ mhux biss huma katalisti għall-bidla iżda bil-vuċi tagħhom jistgħu jisfidaw l-istatus quo, jinfluwenzaw bl-ideat tagħhom, u flimkien inkomplu nimbuttaw riformi li jagħmlu differenza tanġibbli f’ħajjet in-nies.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern jemmen li ż-żgħażagħ għandhom jibqgħu jkunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet. Dan saħqu f’kuntest tat-twaqqif tal-Youth Advisory Forum (YAF) imħabbar f’laqgħa ta’ Kabinett maż-żgħażagħ u li għada se jkunu qed jagħlqu l-applikazzjonijiet għal dawk bejn is-16 u l-35 sena li jixtiequ jkunu parti mill-YAF. Dr Abela rrimarka li dan il-forum se jitlob impenn u se jkun strument importanti ta’ konsultazzjoni maż-żgħażagħ fuq temi nazzjonali.

Min-naħa tagħha, il-President tal-KNŻ Mariah Zammit laqgħet it-twaqqif tal-YAF u l-fatt li l-KNŻ se jkollu rappreżentant fost id-disa’ membri tal-forum u anki se jkun parti mill-bord tal-għażla biex tmien żgħażagħ oħra jservu għal terminu ta’ 18-il xahar fil-YAF. Qalet li l-YAF se jkun opportunità tajba biex bħala Kunsill iwassal l-opinjonijiet taż-żgħażagħ fuq bosta suġġetti. Sostniet li dan se jsir ukoll fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Zammit spjegat ukoll kif il-KNŻ jirrappreżenta firxa wiesgħa ta’ żgħażagħ, mhux biss studenti iżda anki ħaddiema. Laqgħet ukoll il-ħtieġa li l-attiviżmu taż-żgħażagħ ikompli jissaħħaħ, u ppreżentat lill-Prim Ministru l-pjan ta’ ħidma tal-KNŻ għat-tnax-il xahar li ġejjin.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru Clifton Grima, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul, Keith Azzopardi Tanti u Rebecca Buttigieg, id-Deputat tal-Gvern Naomi Cachia u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.​

FacebookTwitter
Skip to content