Ħidma biex tiġi ssiġillata ċertezza li Ħondoq ir-Rummien ma jiġix żviluppat - il-Prim Ministru Robert Abela jżur is-sit ​

PR231228

10/08/2023

Fil-ġimgħat li ġejjin, se jibda l-proċess biex isiru l-bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar biex il-gvern jissiġilla ċ-ċertezza u s-serħan il-moħħ li Ħondoq ir-Rummien ma jkunx żviluppat. Dan hu l-pass li jmiss fil-ġlieda għall-ħarsien ta’ Ħondoq ir-Rummien. Dan kien il-messaġġ importanti u ċar li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel f’Ħondoq ir-Rummien, fil-limiti tal-Qala, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mis-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li din hi deċiżjoni li trid treġġa’ dak li missu ma sar qatt, jiġifieri li fl-2006 iddaħħlet bidla fil-pjan lokali li ffaċilitat li jista’ jsir żvilupp konsiderevoli f’Ħondoq. Qal li d-direzzjoni li issa qed jagħti l-gvern hija bidla oħra importanti li tippriserva l-gżira Għawdxija u li hi fl-interess tal-familji fosthom Għawdxin u l-komunità tal-Qala b’mod partikolari.

Il-Prim Ministru Abela nnota li deċiżjonijiet mill-2013 ‘il quddiem tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-qrati ċaħdu dan l-iżvilupp iżda preżentament ma hemm xejn xi jżomm milli tidħol applikazzjoni oħra għal żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, u għalhekk hu meħtieġ li kontra dawk id-deċiżjonijiet passati li taw valur akbar għall-ispekulaturi, issa jintbagħat sinjal qawwi favur l-interessi tan-nies u aċċess mingħajr xkiel għall-bajja f’Ħondoq.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li prinċipju ewlieni f’ħidmet dan il-gvern kien dejjem wieħed konsistenti kontra żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien. Tenna li b’dak li qed iħares lejh il-gvern qed jara li jimplimenta miżura numru 319 fil-manifest ‘Malta Flimkien’, il-programm ta’ ħidma tal-gvern approvat mill-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Il-prim ministru radd ħajr b’mod partikolari lis-Sindku Buttigieg tal-ħidma bla heda biex jiddefendi lil Ħondoq minn żvilupp.

Fis-sit ta’ Ħondoq ir-Rummien, il-Prim Ministru Abela nnota li fuq art tal-gvern, li kienet ilha abbandunata, sar l-ewwel Reverse Osmosis għal Għawdex, impjant state-of-the-art li sar b’investiment ta’ €11-il miljun li qed jiżgura għall-Għawdxin, sors indipendenti ta’ ilma ta’ kwalità li fost oħrajn jasal fid-djar. Dan l-impjant se jkompli jsaħħaħ l-effiċjenza tiegħu b’aktar investiment frott il-fiduċja li ntweriet fil-Green Bonds li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħarġet b’valur ta’ €25 miljun u li nħatfu minnufih. L-impjant jipproduċi madwar 9,000 metru kubu ta’ ilma kuljum u f’każ ta’ emerġenza kapaċi jagħti provvista ta’ ilma anki fuq in-naħa l-oħra tal-fliegu.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content