Ambjent edukattiv isbaħ u modern f’Għawdex se jħalli l-ġid fil-komunità

PR231483

29/09/2023

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iżuru investiment fl-iskola primarja tan-Nadur

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen żaru l-investiment li qed isir fl-iskola primarja tan-Nadur li jinvolvi tisbiħ estensiv u ambjent isbaħ għall-edukaturi u għal madwar mitejn tifel u tifla li jattendu din l-iskola.

Il-proġett fl-iskola sar b’investiment kapitali ta’ aktar minn €6 miljun minn fondi Ewropej taħt il-Programm NextGenerationEU permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta. Dan il-proġett inkluda spazji miftuħa u rikreattivi ġodda u spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari, fosthom l-arti performattiva. Fix-xogħlijiet li saru sar aċċenn fuq l-aċċessibbiltà fl-iskola u fil-binja ġew introdotti diversi miżuri favur l-effiċjenza fl-enerġija.

Wara ż-żjara fl-iskola flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, il-Prim Ministru u l-President tal-Kummissjoni Ewropea indirizzaw lill-ġurnalisti preżenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-proġett tal-iskola tan-Nadur bħala eżempju konkret ta’ kif nibnu b’mod sod il-futur. Qal li l-iskola hi parti minn differenza tanġibbli li se tħalli l-ġid fil-komunità. “Dan huwa proġett li se jkun għodda għaċ-ċittadini biex ikollhom il-ħiliet tal-futur”, saħaq il-Prim Ministru Abela hu u jinnota kif il-futur huwa l-qalba l-ħadra.

Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-Kummissjoni Ewropea u lill-President tagħha dwar il-programm NextGenerationEU għaliex dan huwa mezz kif anki jixpruna l-ġid fost anki gżejjer reġjuni bħalma huwa Għawdex. Il-Prim Ministru saħaq li Malta u l-Unjoni Ewropea jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies u jlestu lil Malta għal għada.

L-indirizz tal-Prim Ministru Robert Abela fl-iskola primarja tan-Nadur qed ikun ippubblikat u huwa mehmuż ma’ din l-istqarrija.

FacebookTwitter
Skip to content