Inawgurat mafkar f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri f’belt twelidu

PR231957

11/12/2023

Monument figurattiv tal-bronż f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri ġie inawgurat fil-Furjana, f’ċerimonja li ċċelebrat il-legat kbir li ħalla warajh dan il-ġgant letterarju.

Din l-okkażjoni kienet frott proċess li beda inqas minn xahar wara t-telfa tal-Prof. Friggieri bis-sejħa minn Heritage Malta, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għal proposti b’disinni għall-mafkar. Wara dan, ġurija esperta għażlet id-disinn tal-artist Għawdxi John Grima.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Professur Oliver Friggieri ma kienx biss awtur, studjuż tal-Malti u għalliem mill-aqwa, iżda huwa wkoll wieħed mill-iprem ħassieba li ra pajjiżna.

Huwa rrimarka kif għex, kiteb u qasam ħsibijietu f’epoki differenti ta’ nazzjon, li bħal kull nazzjon ieħor fid-dinja ffaċċja l-isfidi tiegħu. “Bħal kull nazzjon ieħor, Malta mhix perfetta u kellha l-mumenti differenti fl-istorja tagħha. Sbieħ u inqas sbieħ. Iżda f’ebda ħin il-Professur Friggieri ma ċekken lil dan il-ġens jew qata’ qalbu minn dan il-ġens.”

Il-Prim Ministru tenna li kontinwament Oliver Friggieri ried imiss il-kuxjenza tan-nazzjon għax kien jemmen fil-ġejjieni għall-Maltin. 

“Ma straħ qatt. Ma kkuntenta qatt b’dak li kien inkiseb. Għax hu kien ċert, u bla dubju kellu raġun, li kien hemm u hemm ġejjieni sabiħ għall-Maltin, bħalma kien hemm passat li wasslu s’hawn. Kliemu kien jinstema’, taqbel jew ma taqbilx mal-linja tal-ħsieb tiegħu. Oliver Friggieri, kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi, dak li emmen li hu abjad qal li kien abjad u l-iswed qal li kien iswed.”

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li minkejja li minn kitbietu wieħed jifhem ċar kif kultant ħassu jirrabja għax kien hemm mumenti li hu ma kienx jaqbel ma’ ċerti deċiżjonijiet jew direzzjonijiet, xorta waħda kien bniedem li ried jibni fuq it-tajjeb. It-tajjeb li sar qabel qatt ma qabel li jiżżarma sempliċiment biex ikun iżżarma. U dan fi kliem il-Prim Ministru, m’hemmx dubju li kien jagħmlu għax kien ipoġġi lil Malta fuq kollox u ma kienx mgħammad mill-kulur jew xi preġudizzju. 

Fid-diskors tiegħu waqt ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-monument f’ġieħ Oliver Friggieri, il-Prim Ministru kkonkluda li anke meta kien kritiku qawwi, għamel dan għax iħobb lill-Maltin u emmen fihom. Anke meta tkellem fuq min ma kellux vuċi, għamel dan għax ħabb il-ħolqien kollu kemm hu. 

 “Il-Professur Friggieri kien kritiku aħrax meta kellu jkun kritiku. Imma mhux kattiv. Anke jekk tiegħu kien għerf bla qies, qatt ma prova joħnoq lil xi ħaddieħor milli jippreżenta ħsibijietu. Nieqfu u naħsbu. Kemm tagħlimiet għadu jagħtina sal-lum. Aħna wkoll obbligati li naraw li l-għerf li ħallielna ma jintilifx. U jekk nibqgħu ngħożżu l-identità li tagħmilna lkoll Maltin, ġens wieħed, m’hemmx dubju li l-figura ta’ Friggieri se tibqa’ tkun ċentrali u ħajja.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fakkar li l-Gvern Malti kien għamel wegħda mal-poplu biex iwaqqaf mafkar f’ġieħ il-poeta u l-Professur Oliver Friggieri, li matul ħajtu emmen fil-potenzjal uman u f’dak kollu li huwa sewwa, awtentiku u tajjeb.

“Illum qegħdin nikxfu dan il-monument f’ġieħ dan il-ġgant tal-letteratura Maltija u l-identità nazzjonali. Mafkar artistiku li jfakkar il-kontribut li ta Oliver Friggieri b’risq in-nazzjon Malti”, qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Bonnici żied jgħid li, “Il-Professur Oliver Friggieri huwa meqjus fost l-ewlenin Maltin għaliex iddedika ħajtu mhux biss bħala poeta, studjuż u għalliem, imma għax ħabb il-kultura li tagħti libsa lil dak kollu li hu uman”.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qasam ħsibijietu dwar l-istatura immensa ta’ Friggieri, u ddeskrivieh bħala wieħed mill-akbar Maltin li b’għemilu daqskemm bis-saħħa tal-kelma miktuba u mitkellma ta xhieda ta’ kif għandu jkun ġens wieħed magħqud.

Huwa rrifletta wkoll dwar kif ix-xogħlijiet ta’ Friggieri jibqgħu jispiraw individwi u huma ta’ gwida għal Heritage Malta fit-twettiq tal-viżjoni tagħha biex il-mużewijiet tagħha jibqgħu rilevanti għas-soċjetà u jgħinu fit-tfassil tal-identità Maltija.

Il-monument, li jinsab faċċata ta’ dak li jfakkar lill-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, jikkonsisti f’rappreżentazzjoni ta’ Friggieri wieqaf fuq pedestall imponenti, li jirrifletti l-istatura tiegħu fil-fora akkademika lokali u lil hinn. Il-monument jinkludi wkoll versi mnaqqxa minn waħda mill-aktar poeżiji maħbuba ta’ Friggieri, bl-isem ta’ ‘Jekk’.

Oliver Friggieri twieled u trabba l-Furjana, mhux ’il bogħod wisq mill-post fejn issa hemm il-monument f’ġieħu, u beda jħarbex l-ewwel versi poetiċi tiegħu meta kien għadu jmur l-iskola primarja. Il-kontribut monumentali tiegħu lid-dinja letterarja, l-impatt li ħalla fuq pajjiżna, u l-umanità li wera matul ħajtu kollha kienu riflessi tul iċ-ċerimonja f’kummenti minn qraba u ħbieb, diskorsi minn mistednin distinti, u siltiet artistiċi animati mill-attur Mario Micallef u mill-kantawtur Vince Fabri.

FacebookTwitter
Skip to content