Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jirrispettaw il-prinċipji mħaddna fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna – Il-Prim Ministru Robert Abela f’Summit fi Brussell

PR240464

22/03/2024

F’Summit tal-Kunsill Ewropew, li sar bejn il-21 u t-22 ta’ Marzu fi Brussell, Malta reġgħet ħadet pożizzjoni b’saħħitha biex fil-konklużjonijiet ta’ dan il-Kunsill ikunu mħarsa l-prinċipji tan-newtralità u n-nonallinjament li għandna fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru Robert Abela insista li l-Kunsill għandu jieħu inkonsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-politika dwar is-sigurtà u d-difiża ta’ kull Stat Membru u fil-konklużjonijiet dan ġie rifless. Il-Prim Ministru kellu wkoll messaġġ ċar favur in-newtralità li jħaddan pajjiżna fil-Kostituzzjoni tiegħu. Lill-President tal-Parlament Ewropew, Dr Abela qalilha li din l-istituzzjoni wkoll trid tirrispetta l-Kostituzzjoni u lill-Parlament Malti. Waqt il-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru flimkien mal-Mexxejja Ewropej iddiskutew diversi temi fosthom l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, is-sigurtà u d-difiża, l-agrikoltura, il-migrazzjoni u t-tkabbir fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill Ewropew beda b’laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres. Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela kien wieħed mill-Mexxejja li indirizza l-Kunsill fil-ftuħ tiegħu. Dr Abela wassal messaġġ qawwi favur il-paċi u saħaq li għandu jkun hemm sforz kollettiv sabiex jieqaf il-ġlied b’mod permanenti f’Gaża. Irrefera għar-realtajiet umanitarji f’Gaża, rimarkati wkoll minn Guteress aktar qabel, fosthom familji sħaħ bla ikel u ilma u eluf ta’ persuni mejta u oħra midruba. Il-Prim Ministru qal li l-Unjoni Ewropea ma tistax tagħlaq għajnejha għal dan u filwaqt li saħaq ukoll li għandha tkompli tingħata l-għajnuna umanitarja, huwa kruċjali li l-Kunsill iwassal pożizzjoni soda favur il-waqfien permanenti tal-ġlied b’mod immedjat. Is-Segretarju Ġenerali Guterres faħħar il-ħidma li Malta qiegħda twettaq fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-istess ħidma wasslet sabiex tgħaddi riżoluzzjoni mbuttata minn Malta li ġabet qbil dwar il-ħtieġa ta’ għajnuna umanitarja f’Gaża.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll is-settur tal-Agrikoltura b’Malta ttenni hawnhekk ukoll pożizzjoni konsistenti favur appoġġ lill-bdiewa u li ma jkunx hemm sistemi li ma jagħtux flessibbiltà u żvantaġġ lill-bdiewa ta’ Stati Membri. Dr Abela nnota wkoll li dan isir fl-istess waqt favur direzzjoni ta’ prattiċi lejn is-sostenibbiltà fis-settur. Il-Prim Ministru semma kif pajjiżna qed jibqa’ jagħti għajnuna bla preċedent lill-bdiewa Maltin u Għawdxin.  Huwa tenna li l-azzjonijiet li qed jipproponi l-Kunsill biex titnaqqas il-burokrazija u tissaħħaħ il-kompetittività tal-bdiewa u r-raħħala huma passi fid-direzzjoni tajba u saħaq li għandhom jiġu indirizzati wkoll l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-bdiewa, sabiex tassew ikollna settur kompetittiv u reżiljenti.

Il-Kunsill ġie aġġornat ukoll bil-ħidma li qed ssir fuq il-migrazzjoni. Hawnhekk il-Prim Ministru enfasizza li dan is-suġġett għandu jibqa’ jingħata prijorità assoluta sabiex jonqsu n-numru ta’ wasliet irregolari u b’hekk ikunu evitati t-telf ta’ ħajjiet, u tiżdied r-rata ta’ ritorn ta’ immigranti li ma ħaqqhomx ażil. Waqt id-diskussjoni dwar it-tkabbir, il-Kunsill qabel li jinfetħu n-negozjati mal-Bosnja u Ħerzegovina għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Matul il-jum tal-Ġimgħa, tlaqqa’ wkoll il-Euro Summit fejn ġiet diskussa s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja Ewropea. Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela semma kif pajjiżna ħa deċiżjonijiet b’saħħithom biex jistabbilizza l-prezzijiet u b’hekk inaqqas l-impatt tal-inflazzjoni fuq iċ-ċittadini u n-negozji. Inizjattiva li diġà bdiet tħalli l-marka tagħha bit-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni fi Frar, partikularment f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet tal-ikel. Il-Kunsill Ewropew fakkar ukoll it-tletin anniversarju mit-twaqqif taż-Żona Ekonomika Ewropea.

FacebookTwitter
Skip to content