Inawgurata ż-Żona għall-Kunċerti fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali – spazju miftuħ ieħor mogħti lill-familji

PR240752

03/05/2024

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura ż-Żona għall-Kunċerti fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali. “Wegħidna spazji miftuħa u qed nagħtu spazji miftuħa,” sostna fil-bidu tal-indirizz tiegħu fiż-żona li kienet fabbrika tal-konkrit u post abbandunat li spiċċa jintuża għal rimi illegali ta’ skart tal-kostruzzjoni. Minflok illum hemm park rikreattiv li mistenni jilqa’ avvenimenti kbar u spazju aħdar miftuħ għall-familji. 

Kien f’dan il-kuntest li l-Prim Ministru saħaq, “Stajna ġejna hawn u ninawguraw fabbrika iżda filwaqt li l-investiment f’setturi ekonomiċi huwa importanti u jrid ikun hemm fil-post it-tajjeb, daqstant ieħor irridu ninvestu fi proġetti bħal dawn li jagħtu ħajja aħjar lill-familji.” Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett, parti minn kullana fl-akbar riġenerazzjoni ħadra li qed issir f’Ta’ Qali, hu eżempju ta’ proġetti li qed naraw fil-ħidma kollha li qed iwettaq il-Gvern madwar il-pajjiż kollu.

Dr Abela qal li b’dan l-aħħar proġett b’investiment ta’ €16-il miljun, tajna post ieħor għall-familji. Sostna li l-aspett tal-kwalità tal-ħajja aħjar mhuwiex biss investiment f’setturi ekonomiċi iżda anki b’investiment ta’ proġetti ta’ livell għoli bħal dak f’Ta’ Qali, li jsaħħu lill-familji. Il-Prim Ministru nnota wkoll kif iż-Żona għall-Kunċert se tagħti spazju ieħor lill-artisti u lit-talent sabiħ li għandu pajjiżna flimkien mal-potenzjal li Malta tibqa’ tiġbed lejha avvenimenti sbieħ.

Qabel l-inawgurazzjoni tkellem ukoll il-Ministru għat-Trasport, l-Infrasturttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett. Huwa spjega kif dan il-post jissimbolizza l-impenn bla waqfien tal-Gvern fil-ħidma tiegħu għal bidla pro-attiva li twassal għat-titjib tal-mod kif ngħixu u naħdmu. “Dan il-proġett jinkorpora d-dedikazzjoni tagħna għall-iżvilupp sostenibbli filwaqt li jiżgura li l-futur kollettiv tagħna huwa mibni fuq il-prinċipji tal-innovazzjoni, ir-responsabbiltà u l-inklussività. Dan il-proġett huwa xhieda ta’ Gvern tassew iddedikat għall-progress u t-titjib tas-soċjetà,” qal il-Ministru Bonett.

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal, “Inħares ’il quddiem li l-Maltin u l-Għawdxin iżuru dan il-ġmiel ta’ post. Nemmen li mhux se jkun biss il-post fejn it-tfal, iż-żgħażagħ, familji u l-anzjani Maltin u Għawdxin jiġu jirrilassaw, imma wkoll post fejn tista’ tagħmel memorji sbieħ li nġorru matul ħajjitna fl-akbar spazju miftuħ li wettaq dan il-Gvern f’pajjiżna.” 

Il-Kap tat-Taqsima tal-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali Jason Micallef spjega kif iż-Żona għall-Kunċerti u park rikreattiv ġdid għall-familji jżid mal-kullana ta’ spazji ħodor ġodda fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali. Dan skont il-viżjoni u l-pjan li f’Ta’ Qali titwettaq l-akbar riġenerazzjoni fuq spazji ħodor f’pajjiżna.

FacebookTwitter
Skip to content