PR241201
15/07/2024
Fil-Berġa ta’ Kastilja ġie ffirmat l-aqwa ftehim għall-edukaturi bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT. Il-ftehim settorjali se jfisser titjib qawwi fid-dħul u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi li jaħdmu fl-iskejjel pubbliċi u dawk tal-knisja. F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela qabel l-iffirmar, fakkar kif il-Gvern wiegħed titjib sinjifikanti fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi u llum għandna l-aqwa ftehim għall-edukaturi.
Dr Abela fisser l-edukaturi bħala mutur fil-qasam edukattiv hu u jinnota li l-ftehim fih żidiet fis-salarji għall-gradi kollha ta’ edukaturi. Il-ftehim huwa għal ħames snin u se jibda jgħodd bl-arretrati sa mill-bidu tas-sena l-oħra sal-aħħar tal-2027. Il-ftehim fih ukoll avvanz fil-karriera b’aktar pass mgħaġġel u se jkompli jsaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi.
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-importanza tas-saħħa tal-pajjiż biex ikun kapaċi jinvesti fl-oqsma kruċjali bħall-edukazzjoni. Qal li dan il-ftehim hu parti minn kullana ta’ ftehimiet oħra li taw żidiet sostanzjali lill-ħaddiema u fiż-żmien li ġej se jkun hemm oħrajn biex igawdu aktar ħaddiema. Qal li lill-professjoni tal-għalliema ridna nagħtuha valur ikbar. Il-Prim Ministru sostna li għal Gvern li jemmen fil-ġustizzja soċjali bilfors irid jipprijoritizza lis-settur edukattiv, li hu pilastru u pedina importanti fil-bidliet li rridu nkomplu nġibu f’pajjiżna. “L-investimenti f’iktar għodda fl-iskejjel u fit-tagħlim ta’ għada, fejn għandna għaddejja d-diskussjoni dwar l-istrateġija l-ġdida għas-settur tal-edukazzjoni, irridu nixprunaw tagħlim li jissarraf fl-aqwa opportunitajiet u karrieri għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin f’oqsma li jrendu u jagħtu valur miżjud fl-ekonomija tagħna,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti fid-diskussjonijiet li wasslu għall-aqwa ftehim settorjali li qatt kellhom l-edukaturi, qal li dan il-ftehim huwa wkoll l-ewwel ftehim li permezz tiegħu l-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema għandhom viżjoni komuni għat-tkomplija tat-trasformazzjoni tas-settur edukattiv. “B’ħidma flimkien, mal-edukaturi, mal-imsieħba soċjali, mar-rappreżentanti tal-edukaturi, mal-ġenituri u mal-istudenti nfushom se naraw li f’dan is-settur verament il-persuna tkun fiċ-ċentru,” qal il-Ministru Grima.
Il-President tal-MUT Marco Bonnici sostna li dan il-ftehim hu riżultat ta’ negozjati fuq ftehim li jirrikonoxxi l-esperjenza, il-kwalifiċi u l-impenn tal-edukaturi u jsostnihom sabiex ikomplu joffru l-aqwa esperjenza tat-tagħlim lill-istudenti.
Il-ftehim settorjali kien presedut mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana.