Laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-GWU: Il-PM jisħaq li l-Gvern se jkompli jindirizza r-realtajiet li ġab miegħu s-suċċess ekonomiku f’pajjiżna

PR241413

09/09/2024

“Ir-realtà qed turina li dan is-suċċess ekonomiku li tant kien mixtieq, ġab miegħu sfidi oħrajn. Sfidi li nkunu qed niżbaljaw jekk ma nirrikonoxxuhomx. Hekk biss tista’ tkompli ġġib il-bidla, tirrikonoxxi l-isfidi, ma tkunx supperv, imbagħad tindirizzahom.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni, fost sensiela, mal-imsieħba soċjali f’pajjiżna qabel jitħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla.

Din id-darba mal-General Workers Union, fil-Workers’ Memorial Building, il-Prim Ministru beda billi rrimarka l-importanza ta’ dawn il-laqgħat li permezz tagħhom il-Gvern jikkonsulta.

Fil-fatt, b’rabta mal-Budget għall-2025, Dr Abela sostna li dan qed jitfassal anke hekk kif il-Gvern qed jagħraf ir-realtajiet il-ġodda ta’ pajjiżna. Realtajiet li ġew mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.

Hawn Dr Abela semma anke l-ħidma li embarka fuqha l-Gvern biex jindirizza dawn l-istess realtajiet, fosthom realtajiet li jolqtu lill-ħaddiema u lid-drittijiet tagħhom. Dawn jinkludu l-qbil storiku biex togħla l-paga minima mhux biss issa iżda fis-snin li ġejjin ukoll, direttivi bħal dik tal-Work Life Balance u tal-Pagi Trasparenti u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol Prevedibbli.

Il-Prim Ministru sostna wkoll kif dan il-gvern beda jindirizza r-realtajiet ta’ pajjiżna f’oqsma bħal dawk tat-temping agencies hekk kif dan issa ġie regolat b’liġi ġdida tant li kull aġenzija irid ikollha liċenzja biex topera. Dan apparti li nnota kif il-Gvern indirizza wkoll il-qasam tal-platform work permezz ta’ Avviż Legali li jirregola lil dan l-istess qasam filwaqt li xpruna reviżjoni f’numru ta’ swieq tax-xogħol fejn instab li ma hemmx ħtieġa ta’ aktar ħaddiema barranin li jinġiebu f’pajjiżna biex jaħdmu fihom.

Dr Abela assigura wkoll li mill-ġdid, il-Budget 2025 se jkompli jżid il-pensjonijiet u jagħti stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan apparti li l-middle class f’pajjiżna se tkun qed tgawdi minn tnaqqis b’saħħtu fir-rata tat-taxxa tad-dħul. Miżuri li kollha huma possibbli minħabba s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna.

“Fadal ħafna x’nagħmlu, imma għandna pjan ta’ ħidma ambizzjuż li se jkompli jimbotta lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Nistedinkom tkunu magħna għaliex flimkien nemmen li dan il-pjan nistgħu nwassluh u nwassluh fl-aħħar mill-aħħar għall-poplu tagħna li tant inħobbu,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Byron Camilleri, Clyde Caruana, Clifton Grima, Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Agius Galea, id-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

FacebookTwitter
Skip to content