PR241516
25/09/2024
Filwaqt li kien qed jindirizza l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, hekk kif pajjiżna riesaq lejn tmiem it-terminu tiegħu bħala Membru Mhux Permanenti fuq dan il-Kunsill, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li pajjiżna jappoġġja l-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u li jeħtieġ li nibqgħu ninvestu fiha favur il-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja. Fid-dibattitu indirizzat minn mexxejja differenti ta’ pajjiżi membri fil-Kunsill tas-Sigurtà, fejn ġiet ittrattata ż-żamma tal-paċi, il-Prim Ministru sostna li l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti trid tibqa’ tkun il-gwida għall-komunità internazzjonali biex nindirizzaw kunflitti li kawża tagħhom qed ibatu n-nies.
“Qatt ma għandna nneħħu minn quddiem għajnejna r-realtajiet tal-umanità,” saħaq b’mod empatiku l-Prim Ministru Malti, hu u jinnota realtajiet differenti ta’ persuni ċivili fosthom nisa u tfal f’postijiet madwar id-dinja fejn is-sigurtà u l-paċi huma sfida kbira. Bħala eżempji l-Prim Ministru semma s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, partikolarment f’Gaża, dik fl-Ukrajna u l-kunflitt fis-Sudan fost oħrajn. Qal li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu rwol iżjed importanti li jħares iż-żamma tal-paċi u jfittex it-triq tad-djalogu madwar il-mejda aktar milli l-eskalazzjoni tal-kunflitti. “L-użu tal-forza kontra dak li tgħid il-Karta tan-Nazzjonijeit Uniti mhix ġustifikabbli u hi inaċċettabbli,” aċċenna l-Prim Ministru Robert Abela madwar il-mejda tal-Kunsill tas-Sigurtà. “Jeħtieġ nirduppjaw l-isforzi tagħna għall-paċi fi żmien fejn id-dinja moħħha biss fl-istatistika,” qal Dr Abela hu u jisħaq ukoll li mal-mejda tad-diskussjonijiet irridu nfittxu li tasal l-għajnuna umanitarja fejn hemm gwerer li qed jifnu tant familji.
Fi New York, hekk kif qed titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prim Ministru Robert Abela għadda messaġġ lill-komunità internazzjonali li wera fiduċja b’saħħitha f’Malta biex ikollha rwol ewlieni fid-dinja bħala Membru Elett tal-Kunsill tas-Sigurtà. Spjega li tul it-terminu ta’ sentejn, Malta wriet bil-fatti l-impenn tagħha favur il-paċi u s-sigurtà quddiem sfidi ġeopolitiċi u l-ħidma proattiva għal sfidi oħra bħat-tibdil fil-klima. Qal li l-fenomenu tal-bidla fil-klima jġib sfidi wkoll fuq is-sigurtà tal-ikel u ż-żieda fil-livell tal-għoli tal-baħar li jaffettwa pajjiżi differenti, fosthom anki gżejjer żgħar. Hawn pajjiżna mbotta lejn indiċi li jkejjel il-vulnerabbiltà ta’ pajjiżi għall-bidla fil-klima li partikolarment jgħin gżejjer żgħar jidentifikaw strateġiji ta’ kif jilqgħu għal dan il-fenomenu.
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru Malti qal li l-popli madwar id-dinja għandhom aspirazzjoni ewlenija, dik li jgħixu fil-prosperità u fil-paċi u bħala komunità internazzjonali rridu nibqgħu kommessi li nilħqu dik l-aspirazzjoni. Għalhekk, qal li l-kunsiderazzjonijiet tal-familji rridu nġibuhom fuq quddiem nett u nkunu empatiċi magħhom.