Diskors tal-Prim Ministru f'konferenza tal-aħbarijiet wara l-Budget

PR241766

28/10/2024

Il-poplu Għawdxi u Malti poġġa tliet mistoqsijiet ewlenin lil dan il-Gvern.

1. X’inhuwa l-pjan ’il quddiem għall-ekonomija?

2. Kif se jinstab bilanċ aħjar bejn l-investiment u l-ħaddiema barranin li jiġu mistiedna biex jaħdmu ġewwa pajjiżna?

3. Kif se jkollna pajjiż b’infrastruttura aktar b’saħħitha, u pajjiż li joffri iżjed trankwillità u serenità lill-poplu Għawdxi u Malti kollu?

It-tweġiba tagħna għal dawn it-tliet mistoqsijiet niġborha fi prinċipju wieħed: kwalità – u mhux kwantità. Fl-ekonomija u fl-investiment, fis-suq tax-xogħol – illi joffri pagi aħjar lill-Għawdxin u lill-Maltin kollha, fis-servizzi u fl-infrastruttura ta’ pajjiżna li se nħallu 66 Illum wettaqna wegħda ta’ tnaqqis tat-taxxa tad-dħul, jiġifieri l-income tax, li minnha se jgawdi pajjiż sħiħ, imma partikolarment dawk li jappartjenu l-middle class. Wegħidna miljun ewro fil-bwiet tan-nies, minflok ħallejna 140 miljun ewro fil-bwiet tal-familji u ħaddiema tagħna.

Wettaqna miżuri soċjali oħra illi juru l-valuri tagħna, fosthom fiċ-children’s allowance, fit-tisħiħ għal darb’oħra tal-pensjonijiet, u l-investiment bla preċedent fis-saħħa mentali. Il-poplu magħna jaf fejn qiegħed.

Il-poplu jaf ukoll li aħna, b’umiltà, għandna l-kapaċità li nisimgħu l-bżonnijiet tan-nies, u li nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna.

Illum ridna li dawk l-isfidi nartikolawhom, u niftħu t-triq ’il quddiem bl-ewwel miżuri jiġu mħabbra.

Dak li hemm illum fil-budget huwa l-bidu u mhux it-tmiem ta’ action plan strateġiku.

Fil-ġranet illi ġejjin, se nkunu qegħdin invaraw numru ta’ action plans tematiċi għall-isfidi maġġuri li għandu pajjiżna quddiemu, filwaqt li se nkomplu nispjegaw kif l-investiment li hemm fil-budget ser jittrasforma ruħu f’miżuri u inizjattivi ġodda favur il-poplu tagħna.

Il-viżjoni tal-kwalità fuq il-kwantità se timxi issa lejn l-istadju tant importanti tal-implimentazzjoni.

Sal-aħħar tas-sena ser jiġu ppreżentati żewġ policies nazzjonali, waħda minnhom fuq il-migrazzjoni ekonomika, jiġifieri fuq it-tema tal-ħaddiema barranin, u t-tieni policy se tkun dik li titratta dwar is-settur tant importanti għall-ekonomija tagħna – tat-turiżmu. Żewġ oqsma illi huma kritiċi għall-pajjiż fejn se nkomplu nikkonsultaw, nitħaddtu mal-istakeholders kollha, imma fuq kollox niddeċiedu u nimplimentaw.

Magħhom umbagħad ngħaqad il-viżjoni Malta 2050, dokument ta’ poplu wieħed sħiħ u magħqud li se jagħti direzzjoni ċara ta’ fejn jiena nemmen li dan il-pajjiż għandu jaspira li jkun fis-sena 2035, imbagħad fis-sena 2050, bi strateġija ċara f’kull settur li qed nitħaddtu dwaru, u kif umbagħad kull settur se jkun qed jorbot wieħed mal-ieħor b’mod holistiku.

Meta nagħtu kelma, aħna nżommuha, u fl-aħħar snin offrejna ċertezza kull meta tajna l-kelma tagħna:

• Meta għedna li se nkunu viċin il-familji waqt il-pandemija.

• Meta għedna li se ngħinu lin-negozji b’mod konsistenti.

• Meta għedna li se nkunu t-tarka tagħhom meta l-prezzijiet tal-enerġija, tad-dawl, għollew b’mod qawwi ħafna, b’mod internazzjonali.

• Meta wegħidnikom li l-prezzijiet tal-fuels se jibqgħu stabbli, minkejja ż-żidiet bla preċedent internazzjonali.

• Meta għedna, li minkejja dawn l-isfidi kollha, mhux biss ma konniex se nixħtu piżijiet ġodda fuqkom iżda li saħansitra konna se nnaqqsu t-taxxi. Hekk għamilna.

Il-poplu ma jridx ireġġa l-arloġġ lura għal żmien fejn kien hawn l-istaġnar ekonomiku, il-qgħad, l-kontijiet tad-dawl għoljin, u għaż-żmien li biex isir triq trid tgħid talba.

Il-poplu jrid iħares ’il quddiem.

Dan il-Gvern għandu r-risposti u s-soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet tagħkom.

Qed nifhmu fejn qed tgħidulna li morna tajjeb – u daqstant ieħor qegħdin nifhmu fejn qed tgħidulna li rridu nagħmlu aħjar.

Se nkunu prammatiċi u spediti, jiġifieri se naġġixxu b’ħeffa fl-approach tagħna, b’sens ta’ konsultazzjoni wiesgħa meta nipproponu bidliet, iżda determinati ferm fl-implimentazzjoni.

Illejla l-Gvern ħabbar sensiela ta’ miżuri li jolqtu pożittivament lill-familji Għawdxin u Maltin. Għax aħna Gvern li huwa pro-family.

It-tax cut li ħabbarna hija l-ikbar waħda fl-istorja ta’ pajjiżna. Tfisser 18,000 ruħ illi sal-lum il-ġurnata kienu qed iħallsu l-income tax, illi s-sena d-dieħla jfisser li dawn mhumiex se jkunu qegħdin iħallsu ċenteżmu wieħed fit-taxxa tad-dħul. Kull ħaddiem f’dan il-pajjiż ifisser illi mill-inqas se jkun qed jara l-ewwel 1000 ewro fix-xahar ta’ qliegħ li jkunu kompletament eżentati mit-taxxa fuq id-dħul.

Bil-miżura taċ-children’s allowance, infakkar x’konna għedna fil-manifest tal-2022, il-manifest Malta Flimkien, fejn dakinhar konna wegħidna żieda ta’ 90 ewro fis-sena għal kull wild tul is-snin kollha tal-leġislatura. B’dak li ħabbarna llejla jfisser li se nkunu tajna 250 ewro żieda għat-tieni sena konsekuttiva f’dak li jidħol children’s allowance għal kull wild.

Xi jfisser dan?

Għal familja li għanda żewġt itfal u li għanda dħul medju, bejn dawn iż-żewġ miżuri, jiġifieri it-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul u ż-żieda fiċ-children’s allowance, se jkun ifisser s-somma ta’ 1,800 ewro fis-sena iżjed ġewwa bwiethom.

Dan fi żmien fejn l-Ewropej qegħdin jgħollu t-taxxi u jixħtu dejjem aktar piżijiet fuq il-familji tagħhom.

Malta mhix inkapsulata b’xi bozza tal-ħġieġ li tipproteġiha mir-realtajiet li qed jiġru barra minn xtutna, u l-poplu mhux iħoss dak l-impatt negattiv li hemm madwarna għax propju hemm Gvern li qed jagħmel tajjeb. Kif xieraq wara kollox, imma għax il-Gvern jinsab f’sitwazzjoni fiskali illi jiflaħ jagħti dawn l-għajnuniet kollha.

Nitkellmu ħafna fuq l-ekonomija, u jeħtieġ li nibqgħu nitkellmu fuq tkabbir ekonomiku li jsir b’sostenibbiltà, għax b’ekonomija b’saħħitha biss li tista’ tibqa’ tiġġenera u toħloq il-ġid, biex f’jum importanti bħal tal-lum inkunu nistgħu niddistribwuh b’mod soċjalment ġust.

Il-ġid li jwassal biex ngħinu lill-anzjani tagħna, lill-vulnerabbli, lill dawk bi dħul baxx.

Dan il-budget reġa’ wera l-valuri soċjalisti ta’ dan il-Gvern.

Sena wara sena tejjibna l-pensjonijiet, u hekk erġajna għamilna din is-sena. Rajna żidiet kbar għall-kategoriji oħra ta’ pensjonijiet bħal tar-romol, u dawk li jinsabu fuq l-għajnuna supplimentari.

Minn mindu ġie introdott il-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, sentejn ilu f’mument fejn ħafna kienu qalulna napplikaw il-prinċipji ta’ awsterità, u meta aħna morrna fid-direzzjoni kuntrarja, jiġifieri li ninċentivaw lin-nies bis-saħħa, f’dan il-benefiċċju partikolari se nkunu investejna mal-100 miljun ewro, din is-sena biss mat-48 miljun ewro, li minnhom se jkunu qegħdin jibbenefikaw 100,000 familja b’200,000 dipendenti.

Żidiet bħal dawk fuq l-in-work benefit, żidiet fil-benefiċċji għal dawk b’diżabilità u l-carers tagħhom, u dawk fuq l-għajnuna soċjali.

Sensiela sħiħa ta’ miżuri li llum saru n-norma għal pajjiżna, bi Gvern Laburista mmexxi minna.

Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed nispjegaw kif se nimplimentaw il-viżjoni ta’ kwalità fuq il-kwantità, b’action plans minn ministeri differenti.

Għada jibdew il-Ministri Silvio Schembri u Byron Camilleri li se jispjegaw kif il-viżjoni tal-kwalità fuq il-kwantità torbot mal-investiment barrani, u kif ukoll ma’ ħaddiema li jkollhom ħiliet għola.

Iktar tard din il-ġimgħa se nitkellmu dwar kif fit-turiżmu l-kejl ewlieni tas-suċċess mhux se jibqa’ aktar dwar kemm jiġu volum ta’ turisti kull sena, imma d-diskussjoni se tiffoka aktar fuq il-valur li dawn it-turisti qed iħallu f’pajjiżna. Jiġifieri kemm għandhom saħħa finanzjarja li jonfqu u jħallu flus f’pajjiżna għalik. Kejl ieħor importanti se jkun il-meta jiġu t-turisti ġewwa pajjiżna.

Mibni ma’ dan il-ħsieb, imbagħad nidderieġu l-inċentivi finanzjarji u ta’ marketing skont dik l-istrateġija li l-aktar taqbel għal pajjiżna.

Il-bidla lejn il-kwalità se tfisser li nattiraw investiment ta’ livell iżjed għoli, li se jkollu bżonn ħaddiema b’ħiliet ogħla. Żewġ eżempji huma l-proġett tal-ST u tal-Gimas. Żewġ eżempji li jillustraw it-tip ta’ investiment li rridu nibqgħu nattiraw lejn pajjiżna.

Bl-edukazzjoni, irridu nkomplu nipprovdu l-għodda biex dawk l-opportunitajiet li l-ekonomija t’għada se toħloq, jaħtfuhom iż-żgħażagħ Għawdxin u Maltin, u l-ħaddiema Għawdxin u Maltin.

L-istess fl-isfida tat-traffiku, diġà bdew jiġu diskussi numru ta’ miżuri mal-imsieħba soċjali (MCESD) u l-Gvern se jkun qed jiddeċiedi.

L-istess fl-ispazji miftuħa fil-komunitajiet tagħna, u fl-infrastruttura.

L-istess fil-mod kif niġġeneraw l-enerġija tagħna, bl-enfasi fuq ir-rinovabbli.

L-istess fil-bqija tas-setturi differenti tal-pajjiż.

Jekk dan il-pajjiż irid jilqa’ għall-isfidi tal-futur, il-prinċipju ta’ kwalità fuq kwantità għandu jkun il-ħsieb modern.

Ma jistax ikun policy tal-Gvern biss, imma l-linja ta’ ħsieb ta’ pajjiż sħiħ – filosofija, kważi kważi, twemmin.

Kollox jrid jorbot mal-kwalità tal-ekonomija tagħna.

Anke fejn jidħol migrazzjoni ekonomika, kollox jorbot ma’ kemm dawn il-ħaddiema se jħallu valur miżjud fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-kwalità fuq il-kwantità ma tistax tibda u tispiċċa mal-Gvern, kif għadni kif spjegajt, imma trid tkun viżjoni sħiħa ta’ pajjiż.

Biex nillustra kemm verament irridu ninbidlu, se nagħti żewġ eżempji li Prim Ministru Malti ta’ 15-il sena ilu, lanqas kien joħlom li jgħidhom.

Nibdew bl-investiment dirett barrani. Illum qegħdin f’sitwazzjoni fejn għandna l-privileġġ tal-għażla, li nagħżlu bejn investiment jew ieħor.

Nagħżlu għalhekk x’jaqbel lill-pajjiżna u lilkom. Jekk dan l-investiment ma jġibx valur miżjud u jeħtieġ ħafna ħaddiema barranin biex ikunu jistgħu jaħdmu fih, jaf li dak ikun mhux dak li jaqbel għal pajjiżna. U d-deċiżjoni dwar dak it-tip ta’ proġett trid tkun fin-negattiv.

Il-kwalità trid tirbaħ fuq il-kwantità.

Eżempju ieħor huwa fit-turiżmu. Dan il-pajjiż irid iħares dejjem iżjed lejn li jibbilanċja aħjar il-wasliet tan-numri turistiċi, biex flok dawn jibqgħu kkonċentrati fix-xhur tas-sajf, ikollna l-abbiltà illi nimmassimizzawhom tul ix-xhur l-oħra tas-sena. Dan sabiex, filwaqt li nibqgħu noffru prodott ta’ kwalità, niżguraw li ma niġux f’sitwazzjoni ta’ over-capacity.

Dawn huma affarijiet li, tant kemm inħoloq ġid ekonomiku, li llum qed ikunu realtà fuq il-mejda tad-diskussjoni.

Li hu żgur hu li dan il-budget joħloq distinzjoni. Qatt ma kienet ċara daqs illum.

Aħna meta naraw bżonn fil-pajjiż, nitkellmu fuqu u nindirizzawh.

Aħna mhux se nevitaw nitkellmu fuq it-traffiku u l-impatt tal-ħaddiema barranin fuq is-soċjetà tagħna. Mhux talli ma nibżgħux, imma talli qed nagħtu pjan ta’ azzjoni ċar dwar x’se nagħmlu.

Aħna nifhmuk, u għandna r-rieda, il-ħila u l-enerġija li nwettqu u nġibu l-bidla. Għax nafu li għandna s-soluzzjonijiet u dawk is-soluzzjonijiet se nkunu qed nimplimentawhom.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tibqa’ il-Partit tal-konfużjoni u n-negattività. Ma tafx fejn qiegħed magħha. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha track record negattiv ta’ kontijiet għoljin, awsterità, staġnar ekonomiku, ġlied intern u indeċiżjonijiet.

Dan il-Gvern huwa kkaratterizzat minn track record pożittiv ta’ iżjed flus fil-bwiet tan-nies, tisħiħ u investiment fis-soċjal u l-pensjonijiet, ħila dwar kif immexxu l-ekonomija u l-fiskal, kif ukoll li nisimgħu il-bżonnijiet tan-nies u naġixxu dwarhom.

Ħames snin ilu, l-ikbar issue għal pajjiżna kienet l-immigrazzjoni irregolari. Kienet sfida diffiċilissima li kienet teħtieġ deċiżjonijiet kuraġġużi ferm. Illum in-numru ta’ wasliet huwa fost l-inqas fl-Ewropa.

Gvern li wettaq.

Tlieta, erba’ snin ilu l-ikbar issue għal poplu tagħna kienet il-pandemija, u l-impatt fuq l-għejxien tagħhom. Hands-down irbaħna dik l-isfida.

Gvern li wettaq.

Fl-aħħar sentejn l-ikbar issue għan-nies kienet l-għoli tal-ħajja/l-inflazzjoni.

Bil-miżuri li ħadna, illum nistgħu nitkellmu li din, jiġifieri r-rata ta’ inflazzjoni, qiegħda inqas min-nofs il-medja storika.

Gvern li wettaq.

Illum, iż-żieda fil-popolazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-infrastruttura tal-pajjiż hija l-iktar issue importanti għan-nies.

Il-budget tal-lum huwa l-bidu ta’ action plan biex nindirizzaw u nsolvu dawn l-isfidi.

Kif għamilna fil-passat, se nwettqu dwar din l-isfida wkoll, għax irridu nagħtu lura lill-poplu Għawdxi u Malti pajjiż ta’ kwalità.

FacebookTwitter
Skip to content