Ippubblikata għall-Konsultazzjoni Pubblika l-Malta Labour Migration Policy

PR250018

08/01/2025

Il-Gvern se jibdel il-mod kif jiġu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi f’pajjiżna

Kburi bl-iżvilupp ekonomiku li għamel pajjiżna fl-aħħar snin, is-suċċess fis-suq tax-xogħol, u konxju tal-isfidi li għandu pajjiżna llum il-Gvern qed jembarka fuq riforma ambizzjuża. Hija riforma maħsuba biex toħloq il-bilanċ meħtieġ fis-suq tax-xogħol.

Il-Gvern jemmen li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin għandhom ikollhom is-servizzi li jeħtieġu u li jixtiequ, fl-istess ħin irid jassigura li l-kontrolli ta’ min jidħol jaħdem f’pajjiżna mhux biss ikunu f’idejn l-awtoritajiet Maltin, iżda jiġu mħaddma fl-interess tas-soċjetà Maltija fejn jirbaħ dejjem l-interess tal-ħafna u mhux tal-ftit.

Ir-riforma proposta għall-konsultazzjoni pubblika tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha spjegaw l-erba’ prinċipji importanti tar-riforma proposta.

Il-prinċipji huma; l-istabbiltà, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-fatt li jiġu biss ħaddiema fejn hemm bżonn u l-emfasi fuq it-taħriġ. 

• Stabbiltà: Din ir-riforma għandha l-għan li tippromwovi l-istabbiltà fis-suq tax-xogħol. Għalhekk tikkastiga l-attitudni ta’ min jemmen li jista’ jġib ħaddiema barranin kemm jiflaħ mingħajr ma jinvesti l-ewwel f’inizjattivi li jżidu l-produzzjoni u jinċentivaw l-investiment fil-ħiliet. Fuq kollox hija riforma li temmen f’min juri l-impenn li jifhem u jħaddan il-ħajja Maltija u għalhekk qed ikunu proposti sistemi li jwasslu biex min iħaddem ikun jaqbillu jżomm f’Malta ħaddiema li diġà għandu.

• Drittijiet tal-ħaddiema: Bil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema jgawdi kulħadd. Għalhekk qed tkun proposta riforma fejn jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, jiġu kkastigati dawk li jikkuntentaw biss bil-minimu għax jemmnu li minflok dak li għandu jista’ jaqbad u jġib ħaddiem iġib ieħor. Din hi attitudni li tista’ tolqot b’mod negattiv lill-ħaddiem Malti. Fl-aħħar snin, il-ħaddiem Malti mexa ’l quddiem u pprogressa. Bl-enfasi fuq id-drittijiet, ir-riforma trid tara li mhux biss kulħadd ikollu d-dinjità tiegħu, iżda nassiguraw li ma jkunx hawn kompetizzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol.

• Kontrolli biex jiġu fejn hemm bżonn biss: Se nassiguraw li l-ħaddiema minn pajjiżi terzi jiġu biss f’setturi fejn il-pajjiż għandu bżonn. Fil-fatt, ir-riforma tagħmel numru ta’ eċċezzjonijiet f’setturi kruċjali bħas-saħħa, tad-diżabbiltà u l-kura tal-anzjani. Iżda, hemm oqsma oħra fejn id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu kontinwament billi tkun analizzata s-sitwazzjoni b’mod kontinwu. 

• Investiment fil-ħiliet: Biex is-suq tax-xogħol jaħdem b’mod effiċjenti u ġust irridu nenfasizzaw il-ħiliet. Hekk il-pajjiż ikun iktar produttiv, il-ħaddiema jkunu ta’ iktar kwalità u konsegwenza ta’ hekk tinħoloq iktar stabbiltà għax min iħaddem jibża’ iktar għall-investiment li jkun hemm fit-taħriġ fejn jenfasizza iktar il-kwalità u mhux in-numri. Għalhekk, hawn ukoll ir-riforma tinċentiva u tippremja lil min jagħżel din it-triq, filwaqt li l-introduzzjoni tal-iskills card fis-settur tat-turiżmu se tkun estiża għal setturi oħra.

Għanijiet li biex jintlaħqu hemm 32 rakkomandazzjoni ppubblikati f’dokument għall-konsultazzjoni pubblika.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-politika li qed iressaq il-Gvern hi waħda kruċjali għal-livell li jmiss li jrid jilħaq pajjiżna. “Il-Gvern qed jaħdem fuq il-Viżjoni Malta 2050 u din il-politika hija waħda mill-pedamenti essenzjali”, irrimarka l-Prim Ministru, li fisser kif politika pro-market li hu favuriha l-Gvern tfisser politika ekonomika tajba kemm għan-negozji iżda anki għall-familji. “F’pajjiżna jidħlu biss dawk il-ħaddiema li pajjiżna jeħtieġ u dan il-bżonn jiddeterminawh l-awtoritajiet fuq bażi ta’ kriterji ekonomiċi u soċjali wiesgħa”, qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru qal li ’l bogħod mill-populiżmu, dan il-gvern se jġib bidla importanti oħra bi stabbiltà u appoġġ anki lil min iħaddem b’mod serju. “Aħna lin-negozji rriduhom jikbru, b’ħiliet aħjar biex b’hekk inkomplu naħdmu lejn pajjiż ta’ kwalità”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Dr Abela qal ukoll, “L-opportunitajiet ekonomiċi, l-ewwel għandhom igawdu minnhom il-Maltin u l-Għawdxin u finalment jekk xorta jkun hemm ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’setturi differenti, irridu nkunu ċerti li dawn mhux se jiġu sfruttati.” Żied jgħid li din il-politika hi intiża biex l-awtoritajiet ikollhom il-kontroll ċar fuq dħul ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea. Spjega kif il-pajjiż se jkollu għajnejh miftuħa kontra l-abbużi u dan favur anki l-interess tal-poplu Malti.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri tenna li dak li hu meħtieġ għal pajjiżna qed inressquh ’il quddiem. Spjega li l-pajjiż tkellem ħafna dwar il-bidla f’dan is-settur u li issa l-mument li nwettquha. Emfasizza li din hi riforma ħolistika, riforma kuraġġuża, fejn diversi miżuri jikkumplimentaw lil xulxin, u li finalment se jwasslu biex il-Gvern jikseb ir-riżultati mixtieqa. “Li jiġu biss ħaddiema fejn meħtieġ u ta’ kwalità u li min ma jirrispettax id-drittijiet tal-ħaddiem, ikun ikkastigat. Irridu stabbiltà fis-suq tax-xogħol.”

Spjega li l-Gvern jifhem li hemm oqsma li jeħtieġu ħaddiema minn pajjiżi terzi, anke għax dan hu pajjiż li l-popolazzjoni tiegħu qed tixjieħ, u b’rata ta’ fertilità baxxa. “Però nafu wkoll li ma jagħmel ebda sens li jkollna min iħaddem b’mudell li jġib ħaddiema minn pajjiżi terzi mingħajr ma jiffoka fuq il-ħiliet u kif wara li jkunu ġew f’pajjiżna jkunu megħjuna biex jifhmu l-ħajja f’Malta. Min jiġi hawn irid jadatta u mhux bil-kontra, għax meta jiġri bil-kontra, is-soċjetà Maltija terfa’ piż li nemmnu li m’għandhiex terfa’. Għalhekk se nippremjaw lil min iżomm il-workforce li għandu u mhux min il-ħin kollu jneħħi l-ħaddiema biex iġib oħrajn ġodda. Min-naħa l-oħra min ineħħi n-nies bl-addoċċ biex il-ħin kollu jġib oħrajn irid iħallas prezz, inkluż billi jkollu permessi għall-ħaddiema ġodda mwaqqfa.”

Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar kif din il-policy tħares id-drittijiet tal-ħaddiema. “Li nassiguraw li l-ħaddiema jkollhom id-drittijiet imħarsa mhux burokrazija żejda, iżda huwa dak li nemmnu u dak li rridu. Għalhekk se nsaħħu l-infurzar, u ndaħħlu miżuri li jagħmluha faċli għall-awtoritajiet Maltin jassiguraw li d-drittijiet qed ikunu mħarsa.”

Ikkonkluda li rridu mbagħad, niffokaw iktar fuq il-ħiliet. “Anke fejn hu meħtieġ li jkollna ħaddiema minn pajjiżi terzi, irridu nassiguraw il-kwalità. Għalhekk, ser ninċentivaw lil min jinvesti fil-ħiliet tal-ħaddiema tiegħu. Irridu ndaħħlu wkoll kunċetti ta’ korsijiet ta’ integrazzjoni sa min qabel wieħed jiġi Malta. U dan bħala ftit eżempji.”

Il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar din il-politika għandu jkun proċess trasparenti, fejn iċ-ċittadini għandhom kull ċans jgħidu tagħhom. Minn hawn jibda proċess ta’ diskussjoni.  Id-dokument ippubblikat jagħmel analiżi tal-qagħda ekonomika b’saħħitha li għandu pajjiżna għax huwa fuq dan li jista’ jibni din ir-riforma importanti. Dan f’riforma li hi miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sad-9 ta’ Frar 2025 u l-pubbliku hu mħeġġeġ jgħid tiegħu fuq publicconsultation.gov.mt.

FacebookTwitter
Skip to content