Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza lill-Konsli Onorarji ta’ Malta waqt l-iskambju ta’ awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida.

PR250062

16/01/2025

Konsli Onorarji,

Sinjuri,

Is-sena li għaddiet kienet sena impenjattiva, b’mod partikolari għaliex Malta ħadet f’idejha rwol

importanti fil-qasam internazzjonali.

Id-deċiżjoni li Malta taċċetta t-tmexxija tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-

Ewropa, waħda mill-ikbar organizzazzjonijiet reġjonali fid-dinja, tat xhieda tal-impenn ta’ pajjiżna

fil-qasam multilaterali.

Dan l-irwol ġab miegħu diversi sfidi, speċjalment fil-kuntest tal-kunflitti diversi li għaddejjin fir-

reġjun Ewropew.

Minkejja dan, Malta xorta ħadmet bla waqfien biex din l-Organizzazzjoni tibqa’ forumrilevanti

fir-reġjun wiesgħa Ewropew, b’reżiljenza quddiem diversi sfidi.

Il-qbil b’kunsens dwar it-tmexxija tal-Organizzazzjoni għas-snin li ġejjin, kif ukoll dwar il-

Presidenza tal-Iżvizzera fis-sena elfejn u sitta u għoxrin, juri biċ-ċar li l-isforzi tagħna lejn dan il-

għan taw il-frott tagħhom.

Fl-istess waqt, is-sena elfejn u erbgħa u għoxrin kienet ukoll it-tieni u l-aħħar sena tas-sħubija

mhux permanenti ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Matul dawn l-aħħar sentejn, ħdimna favur il-paċi biex nippromowvu soluzzjonijiet li jaqblu mal-

ispirtu tat-trattati ta’ din l-Għaqda u mal-liġi internazzjonali.

Flimkien mal-imsieħba tagħna, addottajna numru ta’ Riżoluzzjonijiet li fost affarijiet oħra sejħu

għal ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fis-Sudan, Gaża u bnadi oħra, kif ukoll miżuri oħrajn biex in-

Nazzjonijiet Magħquda titpoġġa f’qagħda li tindirizza l-isfidi immedjati li qed naffaċċjaw illum

kif ukoll l-isfidi tal-ġejjieni.

Is-sena li għaddiet kienet impenjattiva wkoll mil-lat ekonomiku u kummerċjali, oqsma li fihom

intom bħala Konsli Onorarji tagħtu kontribut sostanzjali permezz tal-irwol partikolari tagħkom.

Għal darb’oħra, Malta rnexxielha ssostni l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea,

rata ta’ ħamsa fil-mija.

Biex nilħqu l-għanijiet tagħna f’dan il-qasam, komplejna naħdmu biex nippromwovu l-kummerċ u

l-investiment dirett barrani permezz ta’ koperazzjoni sħiħa ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll ma’ entitajiet

u intrapriżi barranin li joperaw f’oqsma diversi.

Is-servizzi li toffru, kemm liċ-ċittadini Maltin kif ukoll liċ-ċittadini tal-pajjiżi li tirrappreżentaw,

jgħinu wkoll biex l-intrapriżi Maltin jiltaqgħu ma’ sħab ġodda barra minn xtutna, u permezz ta’

dan tagħtu sehem importanti fit-tkattir tal-kummerċ internazzjonali f’pajjiżna.

Intant, f’kuntest fejn l-Unjoni Ewropea qed iżżid il-ħidma tagħha biex ittejjeb is-sigurtà

ekonomika, nirringrazzjakom tas-sehem importanti li tagħtu biex jitkattru relazzjonijietkummerċjali ġodda mal-pajjiżi li tirrappreżentaw, u b’hekk tagħtu kontribut lejn id-

diversifikazzjoni tal-kummerċ barrani.

Il-ħidma lejn id-diversifikazzjoni ma teskludix il-fatt li s-settur tat-turiżmu jibqa’ mutur importanti

ekonomiku.

Fis-sena li għadha kif intemmet, Malta għaldarboħra laqgħet iktar minn tliet miljun turist, grazzi

għax-xogħol siewi imwettaq mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Fis-snin li ġejjin, il-Gvern Malti huwa determinat li jkompli jsostni l-prodott turistiku Malti b’mod

li jattira turisti minn oriġini ġodda u turisti ta’ kwalità.

Għalhekk is-sapport tagħkom joffri serħan il-moħħ lil min ikun qiegħed iżur pajjiżna u għajnuna

prattika f’sitwazzjonijiet li jirrikjedu li tingħata assistenza urġenti.

Sinjuri,

Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn is-sena elfejn u ħamsa u għoxrin, aħna impenjati li nkomplu

naħdmu bis-sħiħ fi ħdan il-komunità internazzjonali u fl-isfera multilaterali.

Il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà se jservu bħala l-qalb ta’ din il-ħidma, bil-għan li l-

ebda pajjiż ma jaqa’ lura.

Proprju f’Mejju li ġej, Malta ser tieħu f’idejha r-riedni ta’ organizzazzjoni reġjonali oħra għar-

raba’ darba.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu, ser tkun okkażjoni sinifikanti għal pajjiżna

għax hi opportunità fejn nuru x-xogħol li qed tagħmel Malta biex tavvanza elementi relatati mad-

drittijiet tal-bniedem, f’din is-sena li fiha se niċċelebraw is-60 anniversarju tas-sħubija tagħna

f’din l-Organizzazzjoni.

Sinjuri,

Fl-2024, Malta baqgħet kommessa li tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi urġenti tal-

iżvilupp u għajnuna umanitarja, kemm fil-Mediterran kif ukoll fid-dinja.

Lejn dan il-għan, Malta tat prijorità lil inizjattivi li jsaħħu d-dinjità, ir-reżiljenza, u l-progress fil-

komunitajiet l-aktar vulnerabbli.

Fil-Mediterran, tajna appoġġ lill-pajjiżi ġirien billi ffaċilitajna l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ

vokazzjonali, kif ukoll għinna biex intejbu l-aċċess sostenibbli għall-ilma.

Il-kollaborazzjoni ta’ Malta ma’ msieħba reġjonali żgurat li l-isforzi tagħna taw kontribut għall-

istabbilizzazzjoni ta’ stati dgħajfa u għall-immaniġġjar tal-migrazzjoni.

Boroż ta’ studju speċjalizzati fit-taħriġ marittimu, mogħtija lil professjonisti minn pajjiżi tal-

Afrika ta’ Fuq, saħħew l-impenn tagħna lejn l-iżvilupp tal-ħiliet tan-nies fir-reġjun.

Bħala parti mill-impenn tagħna lejn l-iżvilupp sostenibbli, iffukajna wkoll fuq it-tisħiħ tar-

reżiljenza għall-kriżijiet fin-nazzjonijiet l-iktar vulnerabbli.

F’dan il-qasam, mexxejna ’l quddiem inizjattivi edukattivi li b’mod dirett għenu komunitajiet

differenti, bħal boroż ta’ studju għal taħriġ speċjalizzat.

2Malta ħadmet b’mod konsistenti biex issostni rabtiet sodi ma’ popli diversi barra minn xtutna.

Il-Fond għad-Diplomazija Kulturali għen lil diversi rappreżentanzi Maltin f’pajjiżi oħra biex

iwettqu firxa ta’ proġetti kulturali intenzjonati biex jippromwovu t-talent Malti barra minn Malta,

irawmu l-koperazzjoni internazzjonali, jibnu l-kollaborazzjonijiet, kif ukoll jgħinu l-għanijiet tal-

politika barranija Maltija.

Fiċ-ċentru tad-diplomazija jinstab impenn biex jiġu kkultivati relazzjonijiet internazzjonali aktar

b’saħħithom u biex titrawwem koperazzjoni dejjiema.

Hekk kif nilqgħu s-sena l-ġdida, għandna nieħdu l-opportunità li nikkonfermaw mill-ġdid id-

dedikazzjoni tagħna lejn Malta biex tibqa’ miftuħa, dinamika, u kollaborattiva, lejn it-tisħiħ tal-

kummerċ barrani, u lejn l-iskambju kulturali, biex ir-relazzjonijiet tagħna ma’ pajjiżi oħra dejjem

ikomplu jitkattru.

Nixtieq nagħlaq billi għal darb’oħra nirringrazzjakom tax-xogħol importanti li għamiltu matul is-

sena li għaddiet.

Tabilħaqq, nirringrazzjakom tal-għajnuna li tipprovdu liċ-ċittadini kemm Maltin kif ukoll barranin

f’sitwazzjonijiet diffiċli, u nistqarr li s-servizz tagħkom fl-irwol ta’ Konsli Onorarji huwa

indispensabbli biex ikunu jistgħu jitmexxew ’l quddiem il-prijoritajiet kollha li għadni kif

semmejt.

Nawgura l-isbaħ xewqat tiegħi għas-sena l-ġdida lilkom u lill-għeżież tagħkom.

FacebookTwitter
Skip to content