PR250317
25/02/2025
Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union dwar il-binja tal-Workers’ Memorial Building biex tibqa’ tiġi żgurata l-vuċi tal-ħaddiema. Il-ftehim, riżultat ta’ riżoluzzjoni approvata b’vot favur mill-Gvern, ġie ffirmat bejn l-Awtorità tal-Artijiet u t-tmexxija u r-rappreżentant tal-unjin.
Il-ftehim se jiżgura s-sostenibbiltà futura tal-unjin b’ġustizzja mal-Istat fejn il-GWU se tkun qed tħallas kważi €2 miljun kif stabbilit minn espert indipendenti u tuża ż-żoni tal-binja mingħajr restrizzjonijiet preċedenti. Dan wara snin ta’ inċertezza minn kawża fil-Qrati miftuħa mill-Oppożizzjoni.
F’diskors li għamel qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan il-ftehim importanti bħala wieħed li jkompli jagħti stabbiltà lill-GWU, li fi storja ta’ ’l fuq minn 80 sena ħadmet favur il-ħidma soċjali u l-mixja ’l quddiem tal-ħaddiem Malti. Qal li ma hemm l-ebda dubju li fost l-ilħna progressivi li xprunaw it-tibdil f’pajjiżna kien hemm il-GWU fejn bil-kontribut qawwi tagħha, il-ħaddiema kellhom kisbiet kbar.
Dr Abela fisser il-unjin bħala waħda li dejjem tkellmet għall-ħaddiema kollha. “Il-pajjiż huwa grat lejkom u ridna nkomplu nappoġġjawkom bi ftehim ġust anki mal-Istat”, irrimarka l-Prim Ministru, li spjega kif il-GWU fadlilha twettaq aktar favur il-vuċi tal-ħaddiema. Qal li fiċ-ċiklu tar-relazzjonijiet industrijali rridu nibqgħu nżommu djalogu miftuħ għax wara kull ftehim irridu nibqgħu naħdmu flimkien u nitkellmu biex nissiġġilaw oħrajn futuri.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-prinċipji ewlenin jibqgħu dak ta’ xogħol li jagħti ġieħ u bi dħul diċenti għall-ħaddiema. Il-Prim Ministru qal li favur il-ħaddiema se nibqgħu nġibu bidliet importanti u għalhekk pajjiżna issa se jkollu l-Malta Labour Migration Policy li tagħraf id-dinjità tal-ħaddiema.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi qal li jemmen fit-tisħiħ tal-ħidma trejdunjonistika f’pajjiżna. “Dan il-ftehim kien possibbli grazzi għall-ħidma tal-Awtorità tal-Artijiet biex tinstab soluzzjoni ġusta u adegwata. Il-GWU, sa mit-twaqqif tagħha kienet fuq quddiem nett fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema. L-iffirmar ta’ dan il-kuntratt jikkonferma l-pożizzjoni tal-Gvern li GWU għandha tibqa’ taħdem għall-ġid tal-ħaddiema mill-Workers’ Memorial Building bl-aħjar riżorsi biex jibqa’ jissaħħaħ il-moviment trejdunjonistiku ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
F’din l-okkażjoni tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, li qal li llum huwa mument storiku għall-GWU u għall-ħaddiema. “Mument fejn qed nibdew era ġdida fl-istorja tagħna. Din il-kisba mhix biss xhieda tal-għaqda, ir-reżiljenza u l-viżjoni tagħna imma wkoll l-impenn tagħna lejn futur, fejn id-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu jiġu protetti u rispettati”, qal Bugeja. Saħaq li bl-għajnuna tal-Prim Ministru, tal-Gvern u ta’ kull min emmen f’din il-viżjoni, qegħdin nassiguraw futur b’saħħtu u sostenibbli għall-akbar għaqda tal-ħaddiema. Josef Bugeja sostna li se jkollna futur li se jiżgura li l-Workers’ Memorial Building se jibqa’ d-dar naturali tal-ħaddiema. “Flimkien, nibqgħu niġġieldu għall-ġustizzja soċjali, għad-dinjità, l-ugwaljanza, xogħol diċenti, paga xierqa u futur aħjar għall-ħaddiema u s-soċjetà kollha”, temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.