Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq dwar il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tibni u tassigura futur ta’ paċi, stabbiltà u sigurtà b’rispett sħiħ lejn in-newtralità ta’ pajjiżna

PR250368

07/03/2025

In-newtralità u l-paċi fil-qalba tal-pożizzjoni Maltija waqt is-Summit Straordinarju tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea

Il-Prim Ministru Malti Robert Abela, ilbieraħ ipparteċipa f’laqgħa straordinarja tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi Brussell li ffukat fuq it-tema tad-difiża u s-sigurtà, u dwar l-Ukrajna.

Matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li filwaqt li pajjiżna jirrikonoxxi l-isfidi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, it-triq ’il quddiem trid tibqa’  tkun waħda li tipprijoritizza d-djalogu u d-diplomazija. Huwa tenna li gwidat mill-prinċipju tan-newtralità, pajjiżna ma jemminx li s-soluzzjoni għall-gwerer huma l-armi, u għaldaqstant saħaq fuq il-ħtieġa ta’ kumplimentarità fl-approċċi madwar il-mejda. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-bżonn li jiġu mħarsa d-diversi aspetti tas-sigurtà u d-difiża, inkluż dawk taċ-ċibersigurtà, theddid ibridu u s-sigurtà ta’ infrastruttura kritika. Huwa tenna li għaldaqstant kull pajjiż għandu jkollu l-għażla li jiddeċiedi hu fejn jinvesti u saħaq li d-deċiżjonijiet meħuda fuq livell tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu inklużivi, tali li ma jeskludux pajjiżi bħal Malta li ma jridux jinvestu f’armi letali.

Dr Robert Abela tenna li fil-qofol ta’ din id-diskussjoni importanti irid ikun aktar ċar il-messaġġ li l-Unjoni Ewropea qed taħdem biss lejn aktar sigurtà, reżiljenza u stabbiltà, mhux lejn aktar konflitti u eskalazzjoni.

“Irridu nibnu Ewropa aktar b’saħħitha u sovrana—waħda li tħares is-sigurtà tagħha filwaqt li tibqa’ forza għall-paċi. Iżda rridu nagħmlu dan b’mod responsabbli, inklużiv, u b’rispett sħiħ għall-valuri tagħna u r-realtajiet tal-Istati Membri kollha.”

Matul is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li għall-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja jemmen li hemm soluzzjoni waħda u dejjiema: dik tal-paċi. Għal darb’oħra, Malta appellat li l-Unjoni Ewropea trid tieħu l-okkażjoni u tassigura li tieħu vantaġġ mill-iżviluppi li qed iseħħu sabiex fl-Ukrajna jinkiseb paċi sostenibbli, djalogu u rispett sħiħ lejn l-ordni li jsibu l-qofol fil-liġijiet internazzjonali. 

Dr Abela qal li pajjiżna jibqa’ kommess li jagħti l-appoġġ lill-Ukrajna, u qal li fl-ispirtu li pajjiżna mexa fl-irwoli li kellu fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u anke fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, ser jibqa’ jkun aġent għad-djalogu u l-paċi fejn semma wkoll l-offerta li għamel biex pajjiżna jservi ta’ spazju sigur għal dawn id-diskussjonijiet diplomatiċi. 

Matul id-diskussjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li filwaqt li pajjiżna jifhem l-urġenza marbuta mal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna u l-impatt li fuq il-pajjiżi tal-Lvant, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tinjora l-fruntieri l-oħra tagħha, inkluż dik tan-Nofsinhar u għaldaqstant, għandha tingħata attenzjoni sħiħa lill-fruntieri kollha.

FacebookTwitter
Skip to content