PR250382
10/03/2025
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet l-inizjattiva ‘Żomm Tarmix’, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-istess inizjattiva bħala waħda importanti kontra l-ħela tal-ikel li hi proġett ieħor imsejjes fuq żewġ prinċipji ewlenin, dak tal-ġustizzja soċjali fejn ngħinu lin-nies jgħixu tajjeb u f’saħħithom u l-prinċipju tas-sostenibbiltà billi nassiguraw l-aqwa użu tar-riżorsi tagħna b’enfasi favur l-ambjent.
L-inizjattiva mħabbra se tkun fuq qafas diġitali tarmix.gov.mt fejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel se tkun qed iġġib flimkien negozji li jagħtu donazzjoni tal-ikel li jkun qrib skadenza u dan jingħata lill-għaqdiet volontarji. B’dan il-qafas se titjieb l-effiċjenza, tiżdied it-trasparenza u tonqos il-ħela tal-ikel filwaqt li jitrawwem mudell ta’ ekonomija ċirkolari f’Malta. Il-benefatturi, li huma n-negozji, se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal inċentivi fit-tnaqqis fit-taxxa.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza tal-provvista tal-ikel, aspett li nħass aktar waqt il-pandemija u quddiem sfidi ġeo-politiċi kurrenti madwar id-dinja. Il-Prim Ministru qal li apparti l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva kontra l-ħela tal-ikel hemm miri oħra fosthom li nilħqu aktar nies bit-tqassim tal-ikel minn għaqdiet volontarji u anki bil-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel bi prezz ridott. Semma wkoll il-fatt li b’din l-inizjattiva se jiġu ppremjati n-negozji parteċipi li ma jinteressahomx biss mill-profitti li jagħmlu iżda jagħrfu li għandhom ukoll irwol soċjali.
Il-Prim Ministru semma wkoll l-Aġenzija Maltija tal-Ikel li f’temp ta’ ftit snin mindu twaqqfet ġabet bidliet importanti fis-settur tal-ikel. Hawn spjega riżultati marbuta mad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel lill-għaqdiet volontarji u l-kollaborazzjoni ma’ Wasteserv fuq il-produzzjoni u t-tqassim tal-kompost. Aċċenna wkoll dwar il-ħidma marbuta ma’ prodotti lokali bħall-ħaxix, frott u laħam li qed jiġi ppreżentat aħjar u jidħol f’aktar ħwienet u djar Maltin. Dan apparti l-introduzzjoni ta’ sistemi moderni li wasslu għal żidiet sinifikanti fil-bejgħ li jsir mill-Pitkalija.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo. Il-Ministru Refalo saħaq, “Bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern ser ikun qed jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn in-negozji u l-għaqdiet volontarji sabiex niżguraw l-aħjar użu tal-ikel u fl-istess waqt inkunu qegħdin inaqqsu l-ħela. Persważ li n-negozji se jagħtu s-sehem kollu tagħhom sabiex din l-inizjattiva tkun suċċess. Hawnhekk il-Gvern qed jieħu azzjoni konkreta u fl-istess ħin jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali, kif wegħedna fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’. Din l-istrateġija mhux biss tnaqqas ir-rimi, imma tgħin ukoll familji Maltin u Għawdxin jiksbu prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet aktar raġonevoli.”
Il-pjattaforma diġitali se tipprovdi mekkaniżmu trasparenti u effiċjenti biex id-distribuzzjoni tal-ikel isseħħ b’mod effettiv, u biex jiġi żgurat li l-għajnuna tasal għand dawk li verament għandhom bżonnha. L-organizzazzjonijiet volontarji se jkunu jistgħu jirreġistraw permezz ta’ e-ID biex jiġi żgurat li l-proċess ikun sigur u li l-għajnuna tilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Il-ħela tal-ikel tmur kontra l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u għalhekk din l-inizjattiva hi parti mill-isforzi tal-Gvern biex inaqqas il-ħela tal-ikel u jinkoraġġixxi modi sostenibbli kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali hekk kif din l-iskema se tkun ta’ għajnuna għal dawk li l-aktar għandhom bżonn fis-soċjetà. Barra minn hekk, Malta se tkun fost il-pajjiżi li qed jagħmlu avvanzi konkreti fl-implimentazzjoni tal-mudell ta’ ekonomija ċirkolari, fejn il-prodotti ma jintremewx imma jintużaw biex tgawdi l-komunità kollha.
Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva ġie ffirmat ftehim dwar din l-iskema bejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel, imsieħba soċjali u għaqdiet volontarji.