PR250992
06/06/2025
Meta indirizza l-konferenza tal-‘Istat tan-Nazzjon’ organizzata mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar proġett pilota li beda jitħaddem minn din is-sena skolastika f’għaxar skejjel fejn sa issa ntlaħqu mal-elf u mitejn student u disa’ mitt ġenitur fuq programm li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-iskejjel, il-familji u l-komunitajiet.
Fil-konferenza bit-tema tal-edukazzjoni, il-Prim Ministru tkellem dwar il-proġett family-community school link li bih il-Gvern qed jgħin fl-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali u anke t-trobbija tal-ulied mal-familji li jibqgħu l-punt fokali tad-deċiżjonijiet fl-interess tagħhom li l-Gvern jieħu ta’ kuljum. Dr Abela qal li s-settur edukattiv jibqa’ wieħed kruċjali fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies u għalhekk ukoll id-direzzjoni ekonomika tal-Gvern biex pajjiżna jibqa’ jiġġenera suċċess frott it-talent taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Il-Prim Ministru nnota studju li ġie ppreżentat fil-konferenza fejn kien hemm żieda ta’ qrib il-5% ta’ dawk li jħossu li għamlu suċċess f’ħajjithom, tliet kwarti b’kollox ta’ dawk li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ. Qal li rridu naraw iżjed nies jagħmlu suċċess f’pajjiżna fosthom uliedna li għandhom il-ħolm u x-xewqat tagħhom. Spjega kif għalhekk irridu nibqgħu ninvestu aktar bis-saħħa fl-aqwa għodda li hija l-edukazzjoni biex uliedna jaħtfu l-aqwa opportunitajiet ekonomiċi għal karrieri ta’ kwalità. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li bil-ġid li noħolqu nifhmu mhux biss aktar flus fil-bwiet tal-familji iżda wkoll aktar ħin ta’ kwalità fil-familji, mhux biss aktar tkabbir tan-numri fl-impjiegi imma titjib fil-karrieri.
Il-Prim Ministru saħaq li għalhekk il-Viżjoni Malta 2050 titkellem fuq sistema edukattiva iżjed moderna f’oqsma emerġenti bħall-coding, l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-robotika fost oħrajn biex uliedna jkunu mħarrġa għall-ekonomija tal-lum u ta’ għada. Qal li għandna skemi u istituzzjonijiet edukattivi li qed iħarrġu u jagħtu ħiliet ġodda liż-żgħażagħ tagħna biex jilħqu l-potenzjal tagħhom u għalhekk il-Gvern jisħaq fuq ekonomija diversifikata fejn hemm bżonn ħiliet differenti mhux b’inqas dawk vokazzjonali fejn il-Gvern se jiftaħ mill-ġdid l-iskola tas-snajja’ fl-MCAST.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fuq naħa oħra ma hemmx dubju li wliedna jridu jibqgħu jitħarrġu fl-għodda diġitali, għodda li l-Gvern jipprovdiha lit-tfal fl-iskejjel iżda ma hemmx dubju li rridu li wliedna jibqgħu jużawha bl-aħjar mod mingħajr mad-dinja virtwali tostakolahom minn dak li toffrilhom ukoll it-tfulija fosthom ħin ta’ kwalità fi spazji miftuħa mal-għeżież tagħhom.
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-investiment qawwi li l-Gvern għamel u se jkompli jagħmel fl-edukaturi li huma pilastru importanti fil-qasam edukattiv. Dr Abela temm jawgura li konferenza nazzjonali bħal din tkompli tixpruna u tistimula aktar ħidma favur il-familji għall-ġid ta’ ulied in-nazzjon Malti.