PR251193
02/07/2025
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet preżentata riforma dwar uffiċjali pubbliċi u dawk f’entitajiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li din il-bidla hija pass ieħor importanti biex inkomplu nsostnu lill-ħaddiema u uffiċjali tagħna fl-amministrazzjoni pubblika, dawk li kuljum jaqdu dmirhom b’sens ta’ dover u lealtà lejn pajjiżhom u lejn il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa żied jgħid li din ir-riforma mhux biss kwistjoni ta’ liġi, iżda wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja u rispett lejn dawk li jaqdu lill-pajjiż. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jara li l-Att dwar ir-responsabiltà ċivili ta’ persuni li jokkupaw kariga pubblika u ta’ entitajiet pubbliċi, jgħaddi mill-istadji kollha tal-Parlament qabel dan jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf.
Il-liġi proposta tkopri uffiċjali pubbliċi, membri tas-Servizz Pubbliku u membri ta’ korpi dixxiplinati, kif ukoll dawk li għandhom kariga stabbilità mill-Kostituzzjoni, meta fil-konfront tagħhom ikun hemm sentenzi u danni ċivili relatati mal-qadi ta’ dmirijiethom fil-kapaċità tal-kariga pubblika li jservu fiha.
L-abbozz jgħid b’mod ċar li jekk l-azzjoni jew id-deċiżjoni tittieħed fl-eżerċizzju ta’ funzjoni pubblika u mingħajr intenzjoni kriminali doluża jew negliġenza grossolana, l-Istat se jkun dak li jagħmel tajjeb għad-danni ordnati, flimkien ukoll mal-ispejjeż legali relattivi mal-każ. Fl-istess waqt jekk ikun hemm każ, il-Gvern jidħol ukoll parti fil-proċeduri u jsostni l-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Qorti.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-poplu għandu dritt għal amministrazzjoni pubblika li taħdem b’mod effettiv u b’serenità, għalhekk il-Gvern irid li jagħti s-serħan tal-moħħ lil dawk li jservu sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirhom mingħajr biża’ li jistgħu jispiċċaw f’xi kawża legali mhux mixtieqa. Il-Prim Ministru semma kif din ir-riforma hija parti minn viżjoni usa’ ta’ tisħiħ tas-Servizz Pubbliku, viżjoni li f’dawn l-aħħar xhur u snin rajnieha titwettaq b’mod konsistenti. Dan hekk kif fakkar kif ftit tax-xhur ilu ġie ffirmat ftehim kollettiv li ta żidiet fil-paga u poġġa l-pedament għal titjib fis-sigurtà tal-impjieg u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għal 33,000 ħaddiem.
Dan filwaqt li qed ikompli jissaħħaħ l-investiment fil-ħaddiema taċ-Ċivil anki fl-għodda mogħtija lilhom fosthom l-investiment ta’ €4 miljun ma’ Microsoft f’sistema ġdida tal-intelligenza artifiċjali Co-Pilot sabiex l-uffiċjali jkunu jistgħu jaqdu l-qadi ta’ dmirijiethom b’mod aktar effiċjenti u joffru l-aħjar servizzi possibbli għaċ-ċittadini.
Dr Abela fakkar fil-11-il ftehim iffirmati fix-xahrejn li għaddew li saħħew il-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ madwar 1,100 ħaddiem taċ-Ċivil. Huwa enfasizza li l-Gvern se jibqa’ jkun it-tarka tal-ħaddiem, mhux biss billi jara li jkompli jtejjeb u jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji, iżda wkoll billi jsostni u jappoġġja lill-ħaddiema taċ-Ċivil b’mod legali u istituzzjonali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, qal, “Din il-liġi toffri protezzjoni b’responsabbiltà u tirrifletti sistema legali matura li tifhem il-kumplessità tal-amministrazzjoni pubblika. Hija liġi li tinkoraġġixxi t-teħid ta’ deċiżjonijiet responsabbli, filwaqt li trażżan l-abbuż tal-poter u tissalvagwarda d-drittijiet legali taċ-ċittadini. Din il-liġi tirrikonoxxi li dawk kollha li jwettqu funzjoni pubblika għandhom ikunu f’pożizzjoni li jaqdu d-dmir tagħhom mingħajr biża’ li jispiċċaw personalment responsabbli għal nuqqasijiet ġenwini. Madankollu, tagħmilha ċara wkoll li din il-protezzjoni mhijiex assoluta. Jekk in-nuqqasijiet jitwettqu b’negliġenza grossolana jew b’intenzjoni kriminali doluża, dawn ma jiġux moħbija taħt il-protezzjoni tal-kariga pubblika.
Dan huwa pass importanti biex nassiguraw serħan il-moħħ lil dawk li jaqdu d-dmir tagħhom b’rieda tajba u skont il-liġi, b’lealtà lejn il-pajjiż. Fl-istess waqt, huwa pass kontra kull min jipprova jipparalizza l-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika amministrazzjoni li hija s-sinsla ta’ pajjiżna. “Dan huwa gvern li b’sens ta’ ġustizzja qed ikun fuq in-naħa ta’ dawk li jaqdu l-funzjoni pubblika tagħhom b’mod ġust u mingħajr biża’, iżda li jassigura wkoll li dawk li jonqsu jġorru r-responsabbiltà tagħhom,” qal il-Ministru Attard.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana sostna li f’pajjiż li qed jevolvi b’rata daqstant mgħaġġla, l-amministrazzjoni pubblika qed tkun iktar dinamika biex tkun viċin in-nies. Dan ifisser aktar sfidi u pressjoni ta’ xogħol, flimkien ma’ deċiżjonijiet li jridu jittieħdu malajr fuq operat aktar kumpless. “Dawn huma deċiżjonijiet li jittieħdu mill-impjegati kollha f’kull livell. Għaldaqstant mhuwiex ġust li nippretendu li tali ħaddiema jlaħħqu mad-domanda ta’ pass mgħaġġel mingħajr ma noffrulhom serħan il-moħħ li jixirqilhom. Għalhekk nemmen li b’din ir-riforma mhux biss qed insaħħu s-Servizz Pubbliku imma wkoll lill-pubbliku li nservu,” temm jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni.