Jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma ħolistika fil-qasam tal-ippjanar

PR251528

09/09/2025

Nhar il-Ħadd, 7 ta’ Settembru, ġiet fi tmiemha l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma ħolistika fil-qasam tal-ippjanar. Dan wara erba’ ġimgħat ta’ konsultazzjoni miftuħa u li laħqet lil bosta individwi u setturi tas-soċjetà li semmgħu leħinhom dwar żewġ Abbozzi ta’ Liġi u żewġ Abbozzi ta’ Avviżi Legali li l-Gvern ressaq għad-diskussjoni u li permezz tagħhom irid iwettaq riforma favur ippjanar sensibbli u responsabbli.

Permezz tas-sistema diġitali li tilqa’ s-sottomissjonijiet, daħlu iktar minn 1500 sottomissjoni mill-pubbliku u għaqdiet varji. Dan fl-istess ħin li kienet għaddejja kampanja ta’ informazzjoni dwar ir-riformi proposti.

F’dawn l-aħħar ġimgħat ukoll, Kumitat tal-Kabinett li twaqqaf biex jgħarbel u janalizza l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, kellu  għadd ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni diretta  ma’ għaqdiet ambjentali u organizzazzjonijiet oħrajn sabiex isaħħaħ l-abbozzi mressqa quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti.

Is-sottomissjonijiet tal-konsultazzjoni pubblika issa ser ikomplu jiġu mgħarbla mill-Kumitat tal-Kabinett li huwa mmexxi mill-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia. Il-kumitat hu kompost mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Owen Bonnici, Clint Camilleri, Miriam Dalli u Jonathan Attard, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg huwa osservatur.

Permezz ta’ din ir-riforma, il-Gvern irid ikompli jsaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadin fosthom bil-bidla fil-proċess tal-appelli li biha żvilupp jiġi sospiż sakemm tingħata deċiżjoni fi stadju t’appell b’termini stipulati ta’ żmien. L-Abbozzi proposti jindirizzaw ukoll il-ħtieġa li l-pajjiż jibda paġna ġdida u biex min tħalla jiżbalja fil passat iħallas t’għemilu u jagħti lura kumpens lill-pajjiż. Il-Gvern huwa kommess li jwettaq din ir-riforma meħtieġa li ġġib ġustizzja fis-settur permezz ta’ bidliet ħolistiċi favur dixxiplina, ċarezza u ċertezza fil-qasam tal-ippjanar.

Wara l-analiżi tas-sottomissjonijiet imressqa waqt il-konsultazzjoni pubblika issa d-diskussjoni mistennija titkompla fil-Kamra tar-Rappreżentanti – l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

FacebookTwitter