PR260088
22/01/2026
Is-sena l-oħra ġew iffirmati 41 ftehim għall-ħaddiema tas-Servizz u s-Settur Pubbliku u 25 minnhom ġew issiġillati mal-GWU
Fl-indirizz tiegħu waqt il-Kungress tal-General Workers’ Union (GWU) bit-tema “Il-Ħidma Tkompli”, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza tad-djalogu soċjali biex inkomplu ntejbu l-qagħda tal-ħaddiem fi żmien anki ta’ bidliet teknoloġiċi u anki sfidi ġeo-politiċi li jirrikjedu dejjem aktar tmexxija soda favur il-familji.
Dr Abela rrimarka li din il-GWU kienet strumentali fl-iżvilupp ta’ pajjiżna, tant li għenet biex inkiseb progress soċjali u kisbiet importanti għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. “Matul is-snin il-qagħda tal-ħaddiem kompliet titjieb għaliex pajjiżna kellu forzi progressivi, inklużi għaqdiet trejdunjonistiċi bħall-GWU,” qal il-Prim Ministru.
Grazzi għal ħidma kollettiva ma’ dawk kollha involuti, pajjiżna wasal biex jikkonkludi bosta ftehimiet kollettivi li jipprovdu l-aqwa pagi u l-aqwa kundizzjonijiet għall-ħaddiema. “Is-sena li għaddiet ġew iffirmati xejn inqas minn 41 ftehim li tejjeb il-qagħda, il-kundizzjonijiet u żied il-pagi ta’ eluf ta’ ħaddiema għas-Servizz Pubbliku u s-Settur Pubbliku, li aktar minn nofshom, madwar 25, ġew iffirmati mal-GWU.”
Il-Prim Ministru qal li l-prinċipji tal-Gvern se jibqgħu favur il-kawża tal-ħaddiem, id-dħul diċenti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, u sostenn soċjali b’mod speċjali lil min jiflaħ l-inqas. Iżda dawn il-prinċipji tista’ tħaddimhom fil-prattika bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha li tibqa’ l-garanzija biex inkomplu nwettqu progress soċjali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Huwa saħaq li r-realtajiet jinbidlu u għalhekk irridu nibqgħu ffukati fuq il-prijoritajiet tal-ħaddiema quddiem ekonomija dinamika. “Illum pajjiżna għandu sitwazzjoni fejn għal kull persuna li tirreġistra hemm seba’ postijiet tax-xogħol vakanti. Għalhekk illum ma nitkellmux biss fuq ħolqien ta’ impjiegi, imma fuq karrieri ta’ kwalità li jrendu, anke f’setturi li qabel ma konniex nassoċjawhom ma’ karrieri ta’ kwalità, bħas-settur tal-manifattura,” spjega l-Prim Ministru Robert Abela.
Qal li fi żmien ta’ bidliet kbar, fosthom il-qalba diġitali u l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali (AI) rridu nkunu pijunieri tal-progress. Għalhekk il-Gvern se jkompli jinvesti fil-ħaddiema aktar minn qatt qabel, sabiex dawn ikollhom l-aqwa ħiliet biex jużaw teknoloġiji ġodda. Dr Abela nnota li fil-Budget li diġà beda jiġi implimentat, tressqet viżjoni ta’ AI għal Kulħadd, li tfisser korsijiet u ċertifikazzjonijiet b’xejn għal kulħadd, inkluż għall-ħaddiema. Huwa fakkar li Malta kienet pijuniera seba’ snin ilu meta nediet strateġija nazzjonali għall-AI, li ġiet implimentata kważi kollha, u issa ġiet aġġornata biex pajjiżna jkompli jkun wieħed mill-aktar AI-friendly.
Il-Prim Ministru nnota miżuri ewlenin fil-Budget li issa beda jiġi implimenta, mhux biss it-tieni tax cut konsekuttiva u ż-żidiet fil-pensjonijiet imma issa kif wara ż-żidiet fil-pagi fis-settur pubbliku, issa se jkun qed jiżdied id-dħul tal-ħaddiema fis-settur privat permezz ta’ miżura fejn il-Gvern qed jagħti sa 80% sussidju fiż-żieda tal-paga li min iħaddem jagħti lil ħaddiema li issa qed jaħdmu b’mod stabbli.
Din is-sena tidħol fis-sitt sena minn meta l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ma baqgħux jitilfu l-festi pubbliċi meta dawn jinzertaw is-Sibt jew il-Ħadd. Il-Prim Ministru spjega ukoll li din is-sena l-ħaddiema għandhom tlett ijiem addizzjonali mal-leave normali tagħhom biex jagħmlu tajjeb għal festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.
Dr Abela għamel ukoll referenza għall-Equal Pay for Work of Equal Value, li ġiet estiża għall-privat, u li pajjiżna daħal fit-tieni sena tat-tħaddin ta’ dan il-prinċipju biex ikomplu jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema kontra inġustizzji tal-passat. Fl-istess waqt, bl-implimentazzjoni tal-Labour Migration Policy, ġew protetti l-ħaddiema Maltin filwaqt li ġie żgurat li kull ħaddiem f’pajjiżna jaħdem bid-dinjità li tixraqlu.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rringrazzja lill-GWU għall-ħidma tagħha u appella biex din tkompli tmexxi ’l quddiem proposti u ideat li jsaħħu dejjem aktar lill-ħaddiema, lill-familji tagħhom u lill-pensjonanti.




