Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport

PR260474

23/03/2026

Il-Prim Ministru Robert Abela, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport (AiMS), f’Santa Venera.

Akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv Kevin Azzopardi u miċ-Chairman tal-Awtorità l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, il-Prim Ministru Abela u l-Ministru Grima daru l-uffiċini u l-faċilitajiet moderni, mifruxa fuq medda ta’ 800 metru kwadru.

Il-faċilitajiet il-ġodda tal-Awtorità issa huma aktar aċċessibbli għall-pubbliku li jkollu bżonn jagħmel użu minn xi servizz li toffri l-Awtorità. Fl-istess waqt dawn l-uffiċini qed jintużaw ukoll mill-Uffiċjali tal-Kontroll tad-Doping (Doping Control Officers), kif ukoll mill-Uffiċjali Edukattivi li jagħtu s-servizz tagħhom lill-Awtorità fuq bażi part-time.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li sa mit-twaqqif tal-AiMS lura fl-2021, din l-Awtorità qed  tikkontribwixxi bi sħiħ għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-isport Malti. Dr Abela tenna li l-viżjoni tal-Gvern, permezz tal-liġi li biha twaqqfet l-AiMS, qed tħalli r-riżultati mixtieqa. Huwa nnota kif diversi pajjiżi Ewropej, kif ukoll oħrajn minn kontinenti differenti, qed iħarsu lejn il-mudell Malti sabiex huma wkoll jimxu lejn it-twaqqif ta’ awtorità simili, li tinkorpora mhux biss il-qasam tal-anti-doping, iżda wkoll it-tliet pilastri l-oħra tal-integrità, jiġifieri dawk tal-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-attivitajiet sportivi u s-settur edukattiv.

Sal-lum, madwar 70 assoċjazzjoni u federazzjoni sportiva rreġistraw b’suċċess mal-AiMS wara li għaddew mill-iskrutinju amministrattiv.  Issa beda wkoll il-proċess biex jiġu rreġistrati l-klabbs sportivi kollha ta’ Malta u Għawdex.

Il-Prim Ministru Robert Abela wera r-ringrazzjament tiegħu liċ-Chairman, lill-Bord tad-Diretturi, lill-Kap Eżekuttiv u lill-ħaddiema kollha fi ħdan din l-Awtorità, filwaqt li awguralhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom sabiex pajjiżna jibqa’ jkollu settur sportiv li jkompli jagħmel il-poplu Malti u Għawdxi kburi mhux biss fuq livell lokali iżda wkoll fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru Clifton Grima saħaq li l-inawgurazzjoni ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport hija pass ieħor importanti biex ikomplu jsaħħu l-governanza tajba, it-trasparenza u l-kredibbiltà fis-settur sportiv Malti. “Bħala Gvern, nemmnu li l-isport għandu jkun mibni fuq valuri sodi ta’ ġustizzja, dixxiplina u integrità, u għalhekk nibqgħu ninvestu f’strutturi u istituzzjonijiet li jħarsu dawn il-prinċipji. L-AiMS qed tagħmel ħidma kruċjali biex tkompli tressaq ’il quddiem standards għoljin fl-isport tagħna, kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali,” temm jgħid il-Ministru Grima.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-AiMS, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi enfasizza fuq l-importanza tal-integrità fl-isport Malti u li din għandha tkun il-pedament tal-ħidma fir-rigward ta’ amministrazzjoni tal-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi, kif ukoll fil-ħidma tal-Awtorità nnifisha. Huwa rringrazzja lill-impjegati kollha tal-Awtorità għall-ħidma li jwettqu u li jservu ta’ eżempju ta’ integrità tul ħidmiethom.

Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Kevin Azzopardi, li semma l-ħidma kostanti tal-Awtorità fid-diversi setturi tagħha. Huwa rringrazzja liż-żewġ Kapijiet Eżekuttivi li servew fil-kariga qablu, u sostna li se jkompli jaħdem u jmexxi din l-Awtorità bl-ogħla standards possibbli ta’ etika u integrità. Huwa nnota b’sodisfazzjon li l-AiMS mhux biss qed issib koperazzjoni mill-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi, iżda wkoll minn entitajiet u stakeholders oħra fis-settur sporti. Huwa semma r-relazzjoni tajba li diġà teżisti ma’ SportMalta, mal-Malta Gaming Authority, mal-Korp tal-Pulizija, kif ukoll mal-Kumitat Olimpiku Malti. Innota wkoll li, fuq livell internazzjonali, l-AiMS tgawdi fiduċja sħiħa mhux biss mill-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping, iżda wkoll mill-International Testing Agency, li ftit jiem ilu inkarigat lill-AiMS biex tieħu għadd ta’ testijiet waqt kompetizzjoni internazzjonali li saret f’Malta. Dan apparti r-relazzjonijiet tajbin ħafna li l-AiMS għandha ma’ diversi organizzazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi internazzjonali oħra, fosthom il-European Aquatics, il-UEFA u l-European Olympic Committees.

FacebookTwitter