PR260944
02/06/2026
Fl-ewwel kwart tas-sena l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret bi 3.9%. Din hija rata akbar minn dik imbassra minn istituzzjonijiet bħall-Bank Ċentrali u l-Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll mir-rata ta’ tkabbir osservata fil-bqija taż-żona ewro, li hija madwar ħames darbiet anqas. L-ekonomija Maltija kibret b’sitt darbiet ir-rata fl-Italja u bi tlettax-il darba r-rata ta’ espansjoni tal-Ġermanja.
L-ixprun tat-tkabbir ekonomiku matul l-ewwel tliet xhur kompliet tkun id-domanda domestika. Fil-fatt kważi nofs tat-tkabbir kien dovut għal konsum akbar mill-familji. Dan kien jirrifletti l-fatt li kien irreġistrat l-ogħla ammont ta’ dħul għall-ħaddiema qatt osservat fl-istorja. Dan hekk kif id-dħul tal-ħaddiema laħaq il-figura rekord ta’ €2.8 biljun. Dan kien aktar minn 9% akbar mill-ammont ta’ dħul osservat is-sena li għaddiet, bi kwart taż-żieda tkun frott il-ftehim kollettiv ġdid tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Barra mit-titjib fil-konsum, d-domanda domestika tjiebet ukoll grazzi għall-investiment akbar kif ukoll żieda fl-ispiża tal-Gvern.
Anke il-bilanċ tal-pagamenti nternazzjonali ta’ pajjiżna tjieb matul is-sena li għaddiet. Dan hekk kif kien hemm żieda fl-esportazzjoni ta’ kważi €288 miljun. Dan seħħ minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali ta’ sfida, bi tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali u t-tariffi imposti mill-Gvern Amerikan. Imma b’kuntrast għal negozji f’pajjiżi madwarna, kumpaniji Maltin qed jibqgħu kompetittivi għax ma tgħabbewx bi prezzijiet għolja tal-enerġija, filwaqt li l-Gvern Malti mhux jimponi taxxi ġodda bħalma qed jagħmlu Gvernijiet oħra.
Kważi kwart tat-tkabbir ekonomiku li seħħ kien dovut għas-settur diġitali, mentri kien hemm titjib ukoll fl-attività tas-servizzi professjonali u amministrattivi, flimkien mas-servizzi finanzjarji. Dan filwaqt li kien hemm kontribut qawwi ħafna mis-settur tal-lukandi u ristoranti, frott it-tisħiħ tat-turiżmu, kif ukoll fis-settur tal-ħwienet, fejn id-domanda domestika baqgħet qawwija mhux bħalma qed jiġri f’pajjiżi madwarna fejn il-familji qed jintlaqtu ħażin ħafna minn politika ta’ awsterità, b’żieda fit-taxxi u tnaqqis fl-ispiża soċjali.



