PR260983
08/06/2026
F’konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat l-ewwel titjira diretta minn New York għal Malta mil-linja tal-ajru Delta Airlines, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-iżvilupp bħalaċelebrazzjoni tat-triq ta’ pajjiżna favur it-tisħiħ tal-konnettività u l-ambizzjoni li għandna bħala pajjiż biex nimxu dejjem aktar ’il quddiem.
Fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg u rappreżentanti mil-linja tal-ajru Delta Airlines, il-PrimMinistru Robert Abela saħaq li t-titjira bejn l-Amerka u Malta hija turija oħra ta’ fiduċja f’pajjiżna.
Quddiem il-fatt li t-titjiriet mill-ajruport ta’ J. F. Kennedy fi New York u Malta se jsiru tliet darbiet fil-ġimgħa, Dr Abela qal li pajjiżna mhux biss se jkompli jilqa’ turisti ta’ kwalità iżda anke investituri u familji li jiġu jżuru pajjiżna. Qal li għandna opportunità akbar biex inkomplu nsaħħu l-koperazzjoni ekonomika mal-Istati Uniti.
Il-Prim Ministru nnota riżultati pożittivi li qed jikseb pajjiżna fit-turiżmu u f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment li għaddej fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Qal li għall-ewweldarba, mill-ajruport għaddew miljun passiġġier fir-rebbiegħa. Dr Abela rrimarka għall-istrateġija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li timbotta lil Malta bħala destinazzjoni turistika li tolqot il-ħtiġijiet ta’ kulħadd.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li gvern ġdid immexxi minnu se jkompli jagħti l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ fis-settur tal-enerġija u f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvista biex l-industrija tal-avjazzjoni tkompli għaddejja bl-operat tagħha. Sostna li jħares ’il quddiem lejn aktar koperazzjoni biex it-turiżmu jibqa’ jħalli valur miżjud f’pajjiż li qed ikompli jikseb ċertifikati ekonomiċi li juru s-saħħa ta’ pajjiż bħalma hi Malta.
Dan hekk kif fl-aħħar jiem, il-EUROSTAT innota li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, Malta kellha l-aqwa tkabbir ekonomiku filwaqt li S&P Global Ratings ikkonfermaw rating u outlook stabbli għall-ekonomija Maltija.




