Il-Prim Ministru jattendi għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u l-Euro Summit fi Brussell

PR230447

24/03/2023

Matul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa, fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u l-Euro Summit, flimkien mal-mexxejja tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. ​​

F’dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi temi ta’ importanza, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomija, il-kompetittività u s-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea u l-enerġija.

Il-Ħamis, il-mexxejja Ewropej iltaqgħu mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, fejn iddiskutew diversi kwistjonijiet komuni għall-Unjoni Ewropea u għan-Nazzjonijiet Uniti. Waqt din id-diskussjoni, il-prim ministru tkellem dwar it-tibdil fil-klima fejn tenna li l-gvernijiet, l-istituzzjonijiet privati u l-istakeholders għandhom jingħaqdu flimkien sabiex jindirizzaw din l-isfida globali. Huwa semma kif Malta qed taħdem fuq ir-riforma fis-sistemi tat-trasport, l-industrija u l-enerġija fejn il-gvern qed jassigura li l-għażliet li jniġġsu anqas isiru aktar aċċessibbli u orħos għall-individwi.

Waqt id-diskussjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea affermat li se tkompli tassisti lill-Ukrajna anke fir-rigward tar-rikostruzzjoni tal-istess pajjiż. Il-prim ministru tenna li l-istati membri flimkien ma’ msieħba strateġiċi u istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jgħinu fil-proċess ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Saħaq ukoll li Malta se tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja lill-Ukrajna, filwaqt li enfasizza li kull min qed iwettaq ir-reat tal-aggressjoni għandu jibqa’ jinżamm responsabbli.

Dwar it-tema tal-ekonomija, il-kompetittività u s-Suq Uniku tal-UE, il-mexxejja ddiskutew il-mixja lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u kif jista’ jkompli jiġi xprunat l-investiment. Issemma wkoll kif is-Suq Uniku kkontribwixxa kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll żied il-kompetittività.

Fost il-punti li qajjem il-prim ministru waqt din id-diskussjoni, semma li hemm stati membri, speċjalment dawk fil-periferija tal-Unjoni Ewropea, li diġà jinsabu fi żvantaġġ minħabba l-insularità tagħhom u għaldaqstant jiffaċċjaw sfidi addizzjonali. Kompla li Malta tiddependi fuq konnessjonijiet marittimi u tal-ajru biex tiġi żgurata konnettività mal-bqija tal-Ewropa u mad-dinja. Għaldaqstant, huwa tenna li t-trasport kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri għandu jibqa’ affordabbli għall-istati membri kollha.

Waqt l-istess diskussjoni, spjega wkoll li Malta tħares ‘il quddiem biex tara l-pjanijiet tal-Kummissjoni dwar prodotti mediċinali, li se jiġu ppubblikati dalwaqt. Tenna li l-aspettattiva ta’ pajjiżna hi li l-Unjoni Ewropea tassigura d-drittijiet tal-Maltin u tal-Għawdxin biex jibbenefikaw ukoll mis-Suq Uniku fil-qasam tal-mediċina.

Dwar l-enerġija, ġie maqbul li tkompli l-ħidma li tiggarantixxi sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi prezzijiet affordabbli. Il-prim ministru semma li Malta qed tkompli tassigura kontijiet tal-enerġija stabbli fejn qed tistabbilizza l-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u għan-negozji permezz ta’ sussidju li jlaħħaq il-biljun ewro fuq is-sena l-oħra u din is-sena.

Fil-jum tal-Ġimgħa, il-mexxejja Ewropej ipparteċipaw fil-Euro Summit fejn iddiskutew is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-membri stati tal-UE.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content