Il-Prim Ministru Abela f’laqgħat mal-Prim Ministru Meloni f’Ruma

PR230924

15/06/2023

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja, is-settur tal-enerġija u l-potenzjal tal-Mediterran, l-isfida tal-immigrazzjoni u d-diskussjonijiet fuq livell ta’ Unjoni Ewropea kienu t-temi ewlenin diskussi f’laqgħat li l-Prim Ministru Robert Abela kellu f’Ruma mal-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni.

F’kummenti wara l-laqgħat f’Ruma, il-Prim Ministru Abela saħaq li l-koperazzjoni tajba bejn iż-żewġ pajjiżi f’bosta oqsma tista’ tibqa’ tissaħħaħ. “Kif ġara fl-imgħoddi, il-koperazzjoni tagħna tista’ twassal għal opportunitajiet li minnhom igawdu ż-żewġ pajjiżi.”

Fuq quddiem nett il-Prim Ministru semma l-enerġija, il-fruntieri u l-immigrazzjoni, u tenna li l-progress, riżultat tal-laqgħat tal-lum, għandu jkompli b’laqgħat tekniċi bil-għan li jkun hemm ftehimiet li jkopru dawn l-oqsma.

Il-Prim Ministru tenna li ż-żewġ pajjiżi jaqsmu interessi komuni fir-reġjun, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija u għalhekk hija l-koperazzjoni li tista’ ġġib riżultati aqwa. Tenna li kawża tal-gwerra fl-Ukrajna, l-enerġija saret punt ta’ diskussjoni ewlieni u spjega kif dak magħruf bħala l-“Piano Mattei”, imniedi mill-Prim Ministru Meloni, huwa konformi mal-viżjoni ta’ Malta li wkoll temmen fl-importanza tal-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika ta’ Fuq. Hawn il-Prim Ministru semma sistema ta’ interkonnessjoni mal-Afrika ta’ Fuq u l-benefiċċji tal-enerġija solari. “Qbilna ma’ tmien pajjiżi oħra li l-Mediterran għandu l-potenzjal li jsir iċ-ċentru ta’ investiment fl-enerġija rinnovabbli,” qal il-Prim Ministru b’referenza għal qbil fil-MED9 li ntlaħaq f’Malta ftit tal-ġimgħat ilu.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għat-tieni interconnector bejn Malta u l-Italja, u l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett importanti b’fondi Ewropej.

Tema oħra li tkellem dwarha l-Prim Ministru Robert Abela kienet il-migrazzjoni. “It-traffikanti tal-bnedmin qed jabbużaw mid-disperazzjoni ta’ tant nies fir-reġjun, u bħala membri tal-Unjoni Ewropea fuq il-fruntiera, aħna wkoll vittmi ta’ dan l-abbuż,” qal il-Prim Ministru, li tenna li din hi sfida tal-Ewropa kollha u mhux pajjiżi bħal Malta u l-Italja biss. Hawn il-Prim Ministru tkellem dwar kif waħda mis-soluzzjonijiet tibqa’ r-relazzjoni mal-pajjiżi ta’ tranżitu fejn ir-relazzjoni trid tkun waħda ta’ sħubija li ġġib benefiċċji għan-naħat kollha. Hawn faħħar inizjattiva li ttieħdet mat-Tuneżija u li tmexxiet ’il quddiem mill-President tal-Kummissjoni Ewropea bl-involviment tal-Italja u l-Olanda. “Għandna bżonn l-istess tip ta’ relazzjoni ma’ pajjiżi bħal Libja, fejn jeżistu tant opportunitajiet,” qal il-Prim Ministru.

B’rabta mad-difiża ssemmew temi bħal mhuma l-koperazzjoni fit-taħriġ u t-tagħmir.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal diskussjonijiet fuq livell Ewropew b’enfasi fuq l-Economic Governance Review, u l-Multiannual Financial Framework, kif ukoll għad diskussjoni dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea.

“Biex inkomplu l-isforzi tagħna bil-għan li nsaħħu l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea mill-Mediterran, se nkun qed nilqa’ f’Malta s-summit t​al-MED9 f’Settembru, u nħares ’il quddiem li nilqa’ lill-Prim Ministru Meloni f’Malta,” qal il-Prim Ministru Abela.

F’Ruma, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja Carmel Vassallo, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

FacebookTwitter
Skip to content