Il-Prim Ministru Robert Abela jżur expo xhieda tal-qalba diġitali li qed jagħmel pajjiżna

PR231398

19/09/2023

Meta żar l-ewwel edizzjoni tat-TECHXPO, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar kemm l-iżvilupp teknoloġiku u diġitali huwa ċentrali fit-tranżizzjoni ekonomika lejn iktar kwalità li għaddej minnha pajjiżna. Negozji li jħaddnu dan il-prinċipju se jsibu lill-gvern jinċentivahom u jappoġġahom biex pajjiżna jibqa’ fuq quddiem nett fil-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità.

L-expo, li qeda tittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali, hija xhieda ħajja ta’ kemm pajjiżna għandu u qed jattira kumpaniji li huma pijunieri fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali u ta’ teknoloġiji innovattivi.

Kumpaniji internazzjonali bħal Baxter, Toly, ST Microelectronics, Methode u tant oħrajn huma lkoll parteċipi f’din l-expo.

“Huwa ta’ sodisfazzjon li tara taħt saqaf wieħed tant kumpaniji li jinsabu f’Malta u li jagħmlu komponenti varji għal tant ditti magħrufa madwar id-dinja. Dan huwa s-suċċess ekonomiku tagħna, iżda iktar minn hekk huwa settur fejn Malta se tkompli tikber għax kienet innovattiva, u fuq quddiem nett bl-inizjattivi li ħadet inkluż fis-settur tal-Intelliġenza Artifiċjali,” qal il-Prim Minis​tru Robert Abela li fl-aħħar jiem żar postijiet tax-xogħol li joffru karrieri f’dan is-settur.

Fl-aħħar għaxar snin l-ekonomija ta’ pajjiżna għamlet passi kbar ’il quddiem u llum pajjiżna huwa fost dawk li jirreġistraw l-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Iżda, kien spjegat li pajjiżna la qatt straħ u lanqas se jistrieħ fuq is-suġġett. Pajjiżna kien minn ta’ quddiem nett u ħa inizjattivi qabel pajjiżi oħra fejn għandu x’jaqsam, fost oħrajn, regolamentazzjoni fuq dawk li għandhom x’jaqsmu assi virtwali u teknoloġiji blockchain, bidla li issa qed tiġi adottata mal-Ewropa kollha.

Fil-fatt, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri spjega li filwaqt li għaddejja din l-expo f’pajjiżna, se jkunu qed jiltaqgħu ministri ta’ pajjiżi stati membri tal-UE tal-Mediterran għal-laqgħa tal-MED9 fuq l-Intelliġenza Artifiċjali.

Dan filwaqt li nhar il-Ħamis 21 ta’ Settembru, TECHXPO se tkun miftuħa għall-pubbliku bla ħlas. Din hija opportunità unika speċjalment għall-familji bi tfal u għaż-żgħażagħ li jistgħu jaraw l-opportunitajiet fil-qasam teknoloġiku li joffri dan il-pajjiż.

Il-Prim Ministru Abela kien akkumpanjat ukoll mid-Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija, Roberto Viola, mis-Segretarju Prinċipali Permanenti Tony Sultana u mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Ronald Mizzi.

FacebookTwitter

Lorem Ipsum

Role

consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam. consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat. Ut wisi enim ad minim veniam.consectetuer adipiscing elit, sed diam nonummy nibh euismod tincidunt ut laoreet dolore magna aliquam erat volutpat.

Lorem Ipsum

Role

Skip to content