Ir-riżultati b’saħħithom fit-turiżmu frott sforz kollettiv, għandhom jibnu biex inkomplu nsaħħu l-prodott turistiku

PR231929

06/12/2023

Matul l-ewwel konferenza li tella’ l-Osservatorju Malti għat-Turiżmu li ddiskuta s-sostenibilità tal-industrija fiż-żmien illi ġej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li r-riżultati b’saħħithom li rnexxielu jġib pajjiżna matul din is-sena ġew permezz ta’ sforz kollettiv minn kull min jaħdem f’din l-industrija.

Il-Prim Ministru spjega li ċifri uffiċjali maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu, il-UNWTO, juru li filwaqt li t-turiżmu dinji se jkun laħaq 90% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija sa tmiem din is-sena, Malta tiżboq bil-bosta dan l-irkupru. Dr Abela qal li dan huwa dovut ukoll għall-prodott turistiku Malti u d-diversi niċeċ li jattiraw turisti s-sena kollha. Insista iżda, li jeħtieġ li jittieħdu aktar azzjonijiet biex il-prodott turistiku jkompli jissaħħaħ u tiżdied il-kwalità. Hawnhekk irrefera għall-investiment li se jibda jsir fir-riżorsa umana, u allura, l-introduzzjoni tal-Iskills Card fil-qasam tal-ospitalità bil-għan li l-impjegati jkollhom il-ħiliet neċessarji f’industrija li kulma jmur qed ittejjeb il-kwalità tagħha.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fiċ-ċentru tal-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu hemm is-sostenibilità. Qal li s-sostenibilità hija prinċipju ewlieni li jiggwida lill-gvern f’dak kollu li jagħmel u fid-deċiżjonijiet li jieħu. “L-impatt tat-tibdil fil-klima, il-bżonn ta’ qalba għal ekonomija li ma tipproduċix emmissjonijiet u l-ħtieġa ta’ bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali u ambjentali jridu jittieħdu in kunsiderazzjoni f’industrija turistika li kulma jmur qed tissaħħaħ”, saħaq Dr Abela. Hawnhekk appella lill-istakeholders tal-industrija biex għal darb’oħra jerġgħu jkunu minn ta’ quddiem ħalli jintlaħqu l-miri turistiċi. “Il-gvern jeħtieġ lilkom ilkoll biex flimkien inkomplu niksbu r-riżultati. Bi pjaċir ninnota li dan diġà qed iseħħ”, tenna l-Prim Ministru. Irrefera għall-investiment multimiljunarju mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li se jkun qed jagħti importanza lill-aspett ambjentali u għal investimenti oħra li qed isiru fis-settur tal-akkomodazzjoni. Qal li dawn ilkoll jgħollu l-livell tal-prodott turistiku Malti filwaqt li jikkontribwixxu għall-miri ambjentali li għandu pajjiżna biex jikseb in-newtralità tal-karbonju.

Il-konferenza kienet organizzata b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u ġiet indirizzata minn professjonisti u kelliema ewlenin fil-qasam.

FacebookTwitter
Skip to content