Il-Kottonera tgawdi mill-akbar investiment u proġetti ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni

PR240338

01/03/2024

Fil-Kottonera għaddejjin proġetti sbieħ u importanti biex fiż-żona jkun hemm postijiet isbaħ u aktar aċċessibbli. Dan ħareġ minn żjara li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fl-Isla, f’Bormla, fil-Birgu u fil-Kalkara, fejn segwa bosta xogħlijiet fuq proġetti u segwa mill-qrib inizjattivi u investimenti li qed isiru għall-ġid tal-komunità. F’messaġġ li għadda fi tmiem iż-żjara li għalqet fil-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar is-sinerġija li jeħtieġ li jkun hemm bejn il-Kunsilli Lokali, l-entitajiet u l-korporazzjonijiet li qed jaħdmu flimkien fuq Kottonera li tixraq għar-residenti u ta’ dawk li jżuruha.

Fl-aħħar snin komplejna naraw riġenerazzjoni fil-Kottonera bi proġetti li għaddejjin fost oħrajn. Fid-daħla tal-Isla hemm il-proġett ta’ restawr fosthom dak li sar fuq l-istruttura ikonika tal-gardjola, is-swar u l-mini tad-daħla tal-Isla. Dan filwaqt li fil-Birgu qed jiġu mpoġġija żewġ pontijiet ġodda taħt Sant’Anġlu, b’wieħed minnhom huwa t’aċċess biss għan-nies bil-mixi biex ikun hemm passaġġ sigur f’waħda mill-aktar partijiet storiċi tal-post. Fil-Kalkara mbagħad għaddej proġett mill-isbaħ li se jkompli jagħti l-ħajja lill-qalba tal-post fejn se terġa’ tinħoloq pjazza miftuħa quddiem il-Knisja parrokkjali, li wkoll tkun għall-komunità.

“Ir-riġenerazzjoni li rajt hija wkoll il-preservazzjoni tal-karatteristiċi tal-Kottonera,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ fost oħrajn lir-rappreżentanti tal-għaqdiet u lis-Sindki u lill-Kunsilliera fil-Kottonera, li kienu għand il-Kapuċċini f’binja li wkoll rat restawr li għaddej u riesaq lejn tmiemu. Dr Abela nnota kif kull komunità ħaqqha l-aqwa kwalità tal-ħajja u servizzi tajbin u hawn irrimarka għal dak li żar il-Ġimgħa, jiġifieri ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Bormla, li fl-aħħar xhur beda jagħti servizz favur l-anzjanità attiva. Dwar Bormla, il-Prim Ministru rrimarka wkoll li qed naraw proġett tal-ogħla livell b’dar tal-anzjani li toffri servizz ta’ kwalità f’binja sabiħa.

Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar ukoll il-kontribut tal-għaqdiet fil-ħajja tal-komunità, fejn innota x-xogħol li qed isir bil-għajnuna tal-Gvern biex fost oħrajn il-Klabb tar-Regatta tal-Birgu jkollu post aħjar li jgħinu fl-operat tiegħu. Dr Abela semma l-irwol ċentrali li għandhom il-Kunsilli Lokali li jistgħu jwettqu l-aspirazzjonijiet tar-residenti. Dan b’deċiżjonijiet importanti. “Neħtieġu l-esperjenza tagħkom il-Kunsilli Lokali għax intom tafu wkoll il-komunitajiet bl-aħjar mod,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela hu u jtenni l-impenn ta’ Gvern li se jibqa’ ta’ spalla u jinvesti fil-komunitajiet.

FacebookTwitter
Skip to content