Malta fiċ-ċentru tal-kalendarju kulturali u artistiku: Jiftaħ il-maltabiennale.art 2024

PR240403

12/03/2024

Fis-Sala tat-Tron fil-Palazz, il-Belt, fetaħ il-maltabiennale.art. Dan il-biennale, taħt il-patrunaġġ ukoll tal-President ta’ Malta, qed isir għall-ewwel darba f’Malta. Għandu għaddej sal-aħħar ta’ Mejju b’rappreżentazzjonijiet ta’ arti kontemporanja madwar il-pajjiż kollu. Għax-xahrejn u nofs li ġejjin Malta se tkun fiċ-ċentru tal-kalendarju kulturali u artistiku dinji. Bit-tema l-Mediterran, ‘Baħar Abjad Imsaġar taż-Żebbuġ’, f’dan il-biennale organizzat b’mod ewlieni minn Heritage Malta, il-MUŻA u l-Kunsill Malti għall-Arti se jieħdu sehem ’il fuq minn mitt artist. Fiċ-ċerimonja tal-ftuħ li kienet imżewqa b’viżiv mill-isbaħ ta’ dak kollu li hu Malti tkellmu l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar u l-Kuratriċi ta’ dan il-biennale, Sofia Baldi Pighi.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela fisser kif dan il-biennale qed isir f’reġjun li huwa d-dar naturali tal-artisti. Il-Mediterran, it-tema ta’ dan il-biennale, reġjun li Malta dejjem tagħtu viżibilità u wasslet vuċi kostanti dwaru. Il-Prim Ministru qal li Malta hi kburija li qed tilqa’ l-artisti f’dan l-ewwel biennale li qed isir taħt il-patrunaġġ ukoll tal-UNESCO. “L-arti hi inklussiva, l-aċċess għaliha huwa dritt ta’ kulħadd”, sostna Dr Abela li nnota kif dan il-biennale madwar il-pajjiż se jagħti opportunità sabiħa lill-familji jgawdu l-arti kontemporanja. Il-Prim Ministru mhux biss tkellem dwar l-investiment fuq l-arti u l-kultura bi proġetti tal-ogħla livell frott l-ikbar allokazzjoni ta’ fondi fis-settur kulturali iżda saħaq li dan qed isir għax il-Gvern jemmen li l-kultura hi ass importanti għall-pajjiż.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif waqt li bħalissa qed ngħixu żmien ta’ gwerer u tensjoni fl-Ewropa u fil-Mediterran, il-kultura tirrappreżenta l-valuri tal-paċi, tal-kreattività u tal-koperazzjoni. Huwa qal li Malta, bis-saħħa tal-kultura, qed tilgħab rwol biex iġġib flimkien diversi artisti u pajjiżi, tant li meta ħarġet is-sejħa internazzjonali għall-artisti, in-numri ta’ proposti artistiċi kienu kbar u sorprendenti. Tant li Heritage Malta rċeviet iktar minn 2,500 proposta minn 118-il pajjiż. “M’għandix dubju li n-numru kbir ta’ artisti li applikaw biex jieħdu sehem fil-maltabiennale.art 2024 juri li l-artisti jridu l-ispazju tagħhom biex jesprimu ruħhom u bħala Gvern aħna kburin li permezz tal-maltabiennale.art dan l-ispazju se nkunu qed nagħtuh”, qal il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta u President u fundatur ta’ maltabiennale.art, Mario Cutajar, fisser kif il-maltabiennale.art mhux biss arti. Dan l-avveniment kulturali tas-sena huwa opportunità biex nagħrfu lilna nfusna bħala Maltin u niflu u naħsbu fuq il-madwar tagħna. Fid-diskors tiegħu, huwa stqarr, “Qegħdin inżewġu l-istorja tagħna permezz tas-siti storiċi li Heritage Malta għandha mxerrda ma’ Malta kollha mal-arti kontemporanja u dan jagħmel dan il-Biennale uniku”. Mario Cutajar żied ifisser l-importanza li nħarsu lejn ilbieraħ biex nifhmu iktar illum, nifhmu aħna minn aħna u b’hekk ngħinu biex inħarsu ’l quddiem b’iktar kunfidenza.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-kuratriċi tal-Biennale Malti, Sofia Baldi Pighi, qalet li l-arti mhix dekorazzjoni. Hija ħlejqa attiva u vibranti li kapaċi tinbet fis-soċjetà u tqajjem il-ħsieb kritiku u indipendenti. Hija qalet li tassew temmen li l-arti hija dejjem politika, u l-arti kontemporanja trid tkun kuraġġuża biżżejjed biex tindirizza kwistjonijiet kurrenti. Żiedet tistqarr li l-għan tal-arti qatt mhu li tagħti tweġibiet, iżda li tqanqal mistoqsijiet.

FacebookTwitter
Skip to content