Inwettqu Flimkien: Issiġillat ftehim kollettiv ġdid għal elf ħaddiem tal-FSWS li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dħul tagħhom

PR240538

08/04/2024

Issiġillat ftehim kollettiv ġdid għal madwar elf ħaddiem tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), li jsaħħaħ il-professjonisti u l-ħaddiema ta’ din il-Fondazzjoni mhux biss b’kundizzjonijiet aħjar u żidiet ġusti li jirriflettu r-realtajiet tal-lum iżda anki jsaħħaħ il-progress fil-karriera ta’ dawn il-ħaddiema b’titjib fit-taħriġ u l-iżvilupp personali tal-ħaddiema kollha tal-FSWS. Qabel il-ftehim iffirmat tkellem il-Prim Ministru Robert Abela, li sostna li biex inwettqu flimkien anki fis-settur soċjali, irridu naraw li kulħadd ikun stmat kif jixraq u jkollu ċ-ċans jimxi ’l quddiem.

Fil-preżenza ta’ bosta ħaddiema tal-FSWS, il-Prim Ministru nnota kif dan il-ftehim jirrikonoxxi l-ġid li jagħmlu dawn il-ħaddiema b’imħabba li għandhom u juru lejn xogħolhom u mal-klijenti tagħhom. Dr Abela saħaq li dan mhuwiex xi ftehim kollettiv iżolat u fakkar kif fl-aħħar snin ġew issiġillati ftehimiet kollettivi u settorjali importanti. “Lill-familji nsaħħuhom billi nagħtu l-aqwa ħarsien, riżorsi u l-għodda li huma intom il-ħaddiema stess,” qal il-Prim Ministru Robert Abela. Fisser il-ħaddiema tal-FSWS bħala katalisti biex ikunu hemm għall-persuna biex tqum fuq saqajha u timxi ’l quddiem u qal li dan hu ftehim li jinvesti fil-ħaddiema li huma ta’ servizz għan-nies u jwettqu bidla pożittiva f’ħajjet in-nies. “Bħala anki Avukat li pprattikajt fil-Qorti tal-Familja nirrikonoxxi kemm intom bħala ħaddiema kapaċi toffru tama lil min qata’ qalbu,” qal Dr Abela. Il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lit-tmexxija tal-FSWS u lill-UĦM Voice of the Workers, bħala r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li fid-diskussjonijiet għal ftehim ta’ ħames snin, fittxew għan komuni favur l-interess tal-ħaddiema u s-soċjetà li tmiss mas-servizz mogħti mill-istess ħaddiema.

Qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-progress tal-karriera f’din il-professjoni tant importanti għal pajjiżna. “Aktar minn hekk imma, dan il-ftehim kollettiv huwa parti essenzjali u vitali fil-katina ta’ tmexxija, fejn ħafna minn dawn il-professjonisti huma jew gradwati jew għandhom ħafna snin ta’ esperjenza jew it-tnejn u għaldaqstant, dan għandu jkun rikonoxxut bil-fatti u b’titjib fis-salarji u fil-kundizzjonijiet,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti saħaq li f’dawn it-tip ta’ negozjati mhix kwistjoni ta’ min jirbaħ u min jitlef, imma hija sitwazzjoni fejn irid jirbaħ kulħadd. “Fil-każ tagħna jrid ikun ftehim li ma jinsiex l-klijenti tagħna, lil aktar minn 23,000 persuna vulnerabbli li għandna l-unur u l-privileġġ li ngħinu u nakkumpanjawhom kuljum”, qal Grixti. Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella, li faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema soċjali  li tant jagħmlu ġid fis-skiet, b’piż emozzjonali u ħidma bla ħinijiet. “Huwa t’unur għalina bħala UHM li niffirmaw ftehimiet bħal dawn li se jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ madwar elf ħaddiem. Kemm tagħmel frott u xi kwalità ta’ frott tiddependi mill-ħidma tal-ħaddiema infushom, u għalhekk nappella għal ħidma akbar f’dan is-settur tant importanti,” stqarr Vella.

Jippresedu l-iffirmar tal-ftehim kollettiv flimkien mal-Prim Ministru Abela u l-Ministru Falzon kien hemm is-Segretarji Permanenti Joyce Cassar u Mark Musù.

FacebookTwitter
Skip to content