Spazju għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità biex juru l-ħiliet artistiċi tagħhom

PR240552

10/04/2024

“Il-viżjoni tagħna hi ċara. Kull tifel u tifla, irrispettivament mill-abbiltajiet differenti tagħhom, jixirqilhom mhux biss livell t’għajxien tajjeb iżda kwalità ta’ ħajja li ma għandhiex limitu.” Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt wirja t’arti li ttellgħet fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja bħala parti mill-proġett VB ArtBeat, li jippromovi l-ħiliet artistiċi ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità. Dan il-proġett imbuttat minn The Malta Trust Foundation huwa mgħejjun minn finanzjament taħt skema ta’ proġetti għall-għaqdiet volontarji (VOPS).

Qabel saru l-indirizzi, il-Prim Ministru flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela ddawru mal-esebizzjoni mill-Fundatriċi tal-Fondazzjoni u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca filwaqt li ltaqgħu mal-artisti u l-familji tagħhom. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-fatt li din il-wirja qed tintlaqa’ f’Kastilja hija turija oħra ċara tal-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-inklussività billi jagħti spazju għal tfal u żgħażagħ li wkoll għandhom potenzjal. Huwa faħħar ix-xogħlijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ li wrew il-ħiliet artistiċi tagħhom ibbażati fuq il-prinċipji u l-kunċett marbut ma’ Villa Bianca, post amministrat minn The Malta Trust Foundation wara appoġġ mill-Gvern biex tfal u żgħażagħ b’diżabilità jimirħu fil-ħiliet artistiċi tagħhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li forom diversi tal-arti jgħinu wkoll fit-terapija ta’ żgħażagħ u tfal li ħaqqhom kull opportunità u nnota kif f’pajjiżna qed ikomplu jissaħħu l-inċentivi li jgħinu familji b’membri tagħhom li huma persuni b’diżabilità. Huwa faħħar ħidmet il-Fondazzjoni li qed tagħmel il-ġid u fisser l-inizjattiva li saret fil-Berġa ta’ Kastilja bħala waħda li tiċċelebra l-kreattività. Fil-Berġa ta’ Kastilja ttellgħu wkoll rappreżentazzjonijiet mużikali minn tfal u żgħażagħ li jattendu Villa Bianca u indirizzaw lil dawk preżenti, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

FacebookTwitter
Skip to content