Author: rossana.piscopo.1@gov.mt

PR230402

Il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Awditur Ġenerali kif stqarr li se jagħmel fil-Parlament fis-seduta Parlamentari tas-16 ta’ Marzu.

Il-Prim Ministru talab investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali, permezz ta’ ittra li fiha rrefera għal mandat li tah il-Parlament biex “jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jirkupra dawk il-ħlasijiet li ġew affettwati, u li dwarhom jirriżultalek li ma ngħatax il-valur tagħhom f’servizzi mediċi u servizzi relatati u investiment.”

L-ittra qed tkun ippubblikata.

PR230397

Il-Gvern jirreferi għall-istqarrija ta’ Steward Malta iktar kmieni llum li ddeċidew li jabbandunaw l-operat tal-isptarijiet. Fiċ-ċirkostanzi l-Awtoritajiet tas-Saħħa jinsabu f’pożizzjoni li b’mod immedjat joperaw l-isptarijiet inkwistjoni.

B’hekk il-Gvern jerġa’ jserraħ ras l-impjegati li x-xogħol tagħhom huwa garantit. Il-Gvern jagħti wkoll assigurazzjoni li ċ-ċittadini, inkluż lill-pazjenti, se jibqgħu jirċievu servizz tas-saħħa tal-ogħla livell li pajjiżna magħruf għalih.

Il-Gvern jiddikjara li ma jaqbilx bl-aktar mod assolut mar-raġunijiet li ngħataw minn Steward għall-abbandun u wisq anqas mat-talbiet li qed isiru u se jkun qed iwieġeb dwar dan fil-fora adattata fl-aqwa interess nazzjonali.

PR230373

Il-Prim Ministru jiltaqa’ mal-bdiewa

Fiż-żona tal-Fiddien fir-Rabat, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ numru ta’ bdiewa li minn kmieni filgħodu kienu qed jaħdmu r-raba’ tagħhom. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif meta tinżel man-nies fuq il-post tax-xogħol tifhem il-ħtiġijiet tagħhom u anke x’bidliet għandhom jiġu implimentati biex il-kundizzjonijiet tagħhom jissaħħu. 

F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru nnota wkoll kif l-għajnuna finanzjarja li offra l-Gvern matul is-snin qed tkun ta’ sostenn prattiku għall-bdiewa. Dan fost riformi oħra fis-settur, li saru fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura, fosthom ir-riforma fil-liġijiet tal-qbiela. 

Wiġi Sant, bidwi b’iżjed minn 50 sena esperjenza, kien akkumpanjat mill-familja tiegħu u ta spjega dettaljata tax-xogħol li jagħmlu ta’ kuljum. Huwa sostna li l-għajnuna li qed tingħata mill-Gvern lill-bdiewa hija ta’ importanza kbira, filwaqt li rrikonoxxa li anke fi sfond ta’ pandemija u ta’ sfidi internazzjonali minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-Gvern baqa’ jinvesti f’dan is-settur. 

Preżenti għaż-żjara kien hemm il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.

Il-Prim Ministru Robert Abela jilqa' f'Kastilja lir-rebbieħa tal-Malta Eurovision

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-grupp The Busker, li rebaħ il-Malta Eurovision Song Contest u għalhekk se jkun qed jirrappreżenta lill-pajjiżna fil-Eurovision Song Contest f’Mejju li ġej, f’Liverpool. F’laqgħa oħra ltaqa’ maż-żagħżugħ Kyran Bonello, ir-rebbieħ ta’ Malta’s Got Talent. Ma’ dawn l-artisti żgħażagħ, il-prim ministru tkellem dwar opportunitajiet sbieħ fix-xena tal-ispettaklu u filwaqt li rrikonoxxa t-talenti tagħhom, awguralhom għall-futur.

PR230293

Il-Gvern jirreferi għas-sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li ngħatat illum mill-Imħallef Francesco Depasquale dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. 

Il-Gvern qed janalizza din is-sentenza, u f’kull eventwalità se jassigura li jħares l-interess nazzjonali, l-impjiegi tal-ħaddiema kollha, u s-servizzi kollha li l-pazjenti jieħdu mill-isptarijiet, li huma mertu tal-konċessjoni li dwarha ngħatat is-sentenza surriferita.