Month: April 2024

PR240719

Il-komunitajiet tagħna fl-ibliet u l-irħula rridu nagħtuhom postijiet indaf u l-ispazji miftuħa li qed noħolqu rridu nżommuhom b’mod tajjeb. Dan kien il-messaġġ li l-Prim Ministru Robert Abela għadda f’żewġ żjarat li għamel dalgħodu f’laqgħat mal-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u ta’ Project Green.

Fil-laqgħa mal-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fl-uffiċini tagħhom f’Ħal Luqa, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-investiment li sar f’tagħmir modern u aktar effikaċi favur l-indafa pubblika. Saħaq li l-ħidma favur proġetti ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ ta’ postijiet trid tkun akkumpanjata minn ħidma oħra importanti li żżomm dawn l-ispazji nodfa.

“Il-komunitajiet tagħna jistennew ambjent sabiħ iżda fuq kollox postijiet nodfa li jridu jkunu kkumplimentati minn ħidmietkom u r-responsabbiltà kollettiva taċ-ċittadini”, qal Dr Abela fil-laqgħa ma’ dawn il-ħaddiema, li rringrazzjahom tax-xogħol imprezzabbli tagħhom favur pajjiż nadif.

Fiż-żjara mbagħad fil-park ta’ Bengħajsa, fejn hemmhekk iltaqa’ mal-ħaddiema ta’ Project Green fuq il-lant tax-xogħol, il-Prim Ministru qal li f’dak li ħaddieħor ried jagħmlu maħżen għall-kontejners, dan il-Gvern għamlu spazju aħdar għall-familji u issa rridu naraw post miżmum u sabiħ għat-tgawdija ta’ kulħadd. Dr Abela qal li dan il-park huwa eżempju ieħor tal-għan tal-Gvern favur li jkompli jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies u sostna li l-ħaddiema li jaħdmu favur iż-żamma ta’ spazji miftuħa qed iwettqu ħidma importanti marbut ma’ dan l-għan.

Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru rrimarka għar-riżorsi u l-appoġġ li ħaqqhom il-ħaddiema flimkien mal-impenn tal-Gvern li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u jsaħħaħ lill-ħaddiem. Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela waqt dawn iż-żjarat kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield.

PR240688

·       Programm li jingħaqad mal-firxa wiesgħa ta’ proġetti bejn il-Gvern Ċentrali u dak lokali

Aktar proġetti għall-komunità, b’programm ieħor ta’ għajnuna għall-Kunsilli Lokali bi ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta li b’allokazzjoni ta’ €10 miljun. Ftehim bl-għan li jiffaċilita l-proċess biex il-Kunsilli Lokali jwettqu xogħlijiet infrastrutturali fil-lokalitajiet tagħhom, inkluż xogħlijiet ta’ manutenzjoni u dawk ta’ emerġenza, li minnhom igawdu r-residenti kif ukoll il-pubbliku ġenerali. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-prinċipju ewlieni ta’ dan il-qafas hu li jindirizza l-ħtiġijiet taċ-ċittadini.

Qabel l-iffirmar tal-ftehim, li sar ukoll fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia u tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fix-xogħlijiet infrastrutturali mbagħad irid ikun hemm enfasi fuq prattiċi favur mobbiltà faċli li tgħin fost oħrajn lill-anzjani fil-komunità u lill-persuni b’diżabilità. Filwaqt li semma għadd ta’ proġetti sbieħ għall-komunitajiet imwettqa anki b’sinerġija mal-Kunsilli Lokali, bħat-twettiq ta’ spazji miftuħa u riġenerazzjoni tal-wirt storiku, irrimarka li għaddejja ħidma favur aktar indafa u se jittieħdu aktar inizjattivi biex f’dan ir-rigward ikollna riżultati aqwa. Fisser dan il-ftehim bħala wieħed li jgħin lill-Kunsilli Lokali fi proġetti infrastrutturali bħala ħolqa minn sensiela ta’ deċiżjonijiet favur ambjent isbaħ, lokalitajiet iktar indaf u aċċessibbli.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett saħaq li matul dawn l-aħħar snin dan il-Gvern kien dejjem minn ta’ quddiem sabiex jisma’ u jkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali kollha madwar pajjiżna. Kliem ekwivalenti jista’ jintqal għad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li bla waqfien iwettaq xogħol ma’ kull rokna ta’ pajjiżna f’ħafna livelli b’mod speċjali dawk komunitarji bħal xogħlijiet ta’ manutenzjoni, restawr, spazji miftuħa u binjiet pubbliċi. “Bil-koperazzjoni fuq l-oqsma stabbiliti, grazzi għal dan il-ftehim ser inkunu qed nissiġillaw din ir-relazzjoni tajba u nagħmluha aktar faċli għall-Kunsilli Lokali jilħqu l-miri tagħhom bl-aktar mod effiċjenti filwaqt li fuq kollox intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità residenzjali, kif ukoll ta’ dawk kollha li jżuru dawn il-lokalitajiet,” qal il-Ministru Bonett. 

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia saħaq dwar il-viżjoni li biha jkollna bidla fil-mentalità ta’ kif inħarsu lejn l-ippjanar fil-lokalitajiet tagħna. “Dawn l-€10 miljuni huma opportunità sabiex id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jiffaċċilita l-proċess għall-Kunsilli Lokali li se jkollhom l-għodda kollha sabiex iwettqu bidliet pożittivi fil-lokalitajiet tagħna. Bidliet tanġibbli, għaliex nemmnu li l-futur tal-lokalitajiet tagħna irridu nibnuh aħna,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-ħidma ta’ dan il-Gvern qed tissarraf fi tkabbir ekonomiku li ġġib realtajiet oħra li qed jiġu indirizzati. Fuq dan il-punt hija rrimarkat li għal darb’oħra l-Gvern ħa jkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u jitwettqu bidliet imressqa mill-Kunsilli Lokali u r-residenti rispettivi tagħhom.

PR240673

Hekk kif ġie fi tmiemu proġett estensiv ta’ restawr u modernizzar f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Belt Valletta se tkompli tenfasizza l-kwalità, l-istess kwalità li qed naraw f’dan il-proġett. Huwa qal dan matul l-inawgurazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet li ħadu medda ta’ snin.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-importanza tal-preservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, speċjalment f’binjiet li għandhom potenzjal kbir fil-belt kapitali. Spjega li dan il-proġett mhuwiex wieħed iżolat u rrefera għar-restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru u x-xogħol fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Qal li dawn il-proġetti huma xhieda ta’ kemm pajjiżna qatt ma jista’ jieqaf jinvesti, għaliex jekk jieqaf jinvesti l-pajjiż ma jistax jinvesti f’niesu. “Kemm hu sabiħ li jkollok iċ-ċans li titkellem fuq il-kwalità. Kien hemm mumenti fejn ir-realtà kienet differenti,” qal il-Prim Ministru. Qal id-diskussjoni għaxar snin ilu kienet dwar kif se nqajmu lill-Belt fuq saqajha biex in-negozji jibdew jieħdu l-ħajja. Qal li llum il-Belt mhux talli rkuprat iżda hija l-mekka tal-attivitajiet kemm kulturali kif ukoll soċjali.

Appella lill-entitajiet Beltin biex ikomplu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Belt, fl-istess ħin li jagħtu kunsiderazzjoni lill-ħtiġijiet tar-residenti. “Irridu Belt sabiħa, nadifa, fejn kulħadd iħossu komdu. Irridu Belt ħajja, Belt vibranti. Irridu Belt ta’ kulħadd,” temm jgħid Dr Abela.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo rrimarka kif illum il-ġurnata l-offerta ta’ Dar il-Mediterran għal Konferenzi espandiet bil-kbir. “Apparti li hija ass kulturali u turistiku, illum grazzi għat-tmexxija li kellna f’dawn l-aħħar snin qegħdin naraw l-MCC aktar miftuħa għal diversi setturi kulturali u kummerċjali matul is-sena kollha,” irrimarka l-Ministru Clayton Bartolo.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi Pierre Fenech qal li l-proġetti kollha li twettqu tul dawn l-aħħar għaxar snin f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi ssarrfu biex din il-binja tiġi salvata għal ġenerazzjoni preżenti u dawk futuri. “Dawn il-proġetti poġġew l-istess entità fuq sisien aktar sodi  billi dawwarna s-sitwazzjoni finanzjarja minn waħda ta’ telf għal qligħ. Nirringrazzjaw lil kull min ta sehmu biex dan seta’ jseħħ,” temm jgħid is-Sur Pierre Fenech.

PR240652

Fl-inawgurazzjoni ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza 1902 f’Pembroke, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li f’riġenerazzjoni rridu naraw l-kwalità u żvilupp li jirrispetta l-karatteristiċi Maltin. Fisser kif il-proġett inawgurat, li ta l-ħajja lil post li kien abbandunat wara ħsarat estensivi fil-passat, iħaddan il-prinċipji marbuta mal-ambjent u l-kwalità.

Fil-fatt b’investiment privat ta’ €5 miljun, din il-binja magħrufa bħala d-diskoteka tar-Raffles fit-tmeninijiet, sar restawr fuqha u llum toffri servizzi differenti għall-komunità. Minn childcare centre għal stabbilimenti tal-ikel, gym u anki post fejn isiru laqgħat, din il-binja ta’ grad 1 sar investiment fuqha u żammet il-karatteristiċi oriġinali tagħha.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-investiment huwa xhieda tad-direzzjoni li qed jagħti l-Gvern favur żvilupp sostenibbli. “Dawn l-ispazji rridu nippjanawhom bi ħsieb u nagħmluhom sbieħ fejn il-familja jixirqilha tqatta’ ħin ta’ kwalità minn ħajjitha fl-isbaħ ambjent possibbli”, sostna l-Prim Ministru Abela. Żied jgħid li l-iżvilupp ma jistax ikun fuq binarju għalih jew fuq in-naħa opposta tal-ambjent iżda iż-żewġ aspetti jridu jiġu flimkien biex noħorġu l-aqwa riżultat possibbli.

Innota kif dan l-investiment privat huwa att ukoll ta’ fiduċja fil-pajjiż u filwaqt li l-Gvern irid jibqa’ jinċentiva l-investiment bl-għajnuna u bl-istabbiltà li joffri, irid ukoll jiffaċilita bit-tnaqqis fil-burokrazija. “Investiment għaqli u sostenibbli jġib il-ġid għal kulħadd”, qal Dr Abela, li nnota kif is-suċċess f’pajjiżna hu riżultat tal-bżulija tal-investitur u l-ħaddiem.

Ir-Riforma fil-Qorti tal-Familja qiegħda titfassal man-nies. Fil-fatt, matul il-jum tas-Sibt, il-Gvern għamel laqgħa ta’ konsultazzjoni miftuħa għall-pubbliku biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jressqu l-proposti. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li ‘inwettqu flimkien’ tirrappreżenta perfettament il-politika li jemmen fiha dan il-Gvern, li qabel iwettaq, jikkonsulta, jisma’ u jitgħallem mingħand min ikun qiegħed jgħix ir-realtà li jkun jeħtieġ li dwarha nwettqu riforma, biex inwettquha flimkien. “Għalhekk ridna li flimkien magħkom niddiskutu dan is-suġġett li jaffettwa tant familji.” Preżenti għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Ministru Għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, u numru ta’ professjonisti li jaħdmu fis-settur. F’din il-laqgħa pubblika saru wkoll numru ta’ diskussjonijiet dwar temi speċifiċi fosthom dwar l-Aċċess u l-Manteniment, Proċeduri Aħjar fil-Qorti tal-Familja, Kura u Kustodja, u Co-Parenting u Parental Alienation.