Month: April 2024

PR240652

Fl-inawgurazzjoni ta’ proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza 1902 f’Pembroke, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li f’riġenerazzjoni rridu naraw l-kwalità u żvilupp li jirrispetta l-karatteristiċi Maltin. Fisser kif il-proġett inawgurat, li ta l-ħajja lil post li kien abbandunat wara ħsarat estensivi fil-passat, iħaddan il-prinċipji marbuta mal-ambjent u l-kwalità.

Fil-fatt b’investiment privat ta’ €5 miljun, din il-binja magħrufa bħala d-diskoteka tar-Raffles fit-tmeninijiet, sar restawr fuqha u llum toffri servizzi differenti għall-komunità. Minn childcare centre għal stabbilimenti tal-ikel, gym u anki post fejn isiru laqgħat, din il-binja ta’ grad 1 sar investiment fuqha u żammet il-karatteristiċi oriġinali tagħha.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-investiment huwa xhieda tad-direzzjoni li qed jagħti l-Gvern favur żvilupp sostenibbli. “Dawn l-ispazji rridu nippjanawhom bi ħsieb u nagħmluhom sbieħ fejn il-familja jixirqilha tqatta’ ħin ta’ kwalità minn ħajjitha fl-isbaħ ambjent possibbli”, sostna l-Prim Ministru Abela. Żied jgħid li l-iżvilupp ma jistax ikun fuq binarju għalih jew fuq in-naħa opposta tal-ambjent iżda iż-żewġ aspetti jridu jiġu flimkien biex noħorġu l-aqwa riżultat possibbli.

Innota kif dan l-investiment privat huwa att ukoll ta’ fiduċja fil-pajjiż u filwaqt li l-Gvern irid jibqa’ jinċentiva l-investiment bl-għajnuna u bl-istabbiltà li joffri, irid ukoll jiffaċilita bit-tnaqqis fil-burokrazija. “Investiment għaqli u sostenibbli jġib il-ġid għal kulħadd”, qal Dr Abela, li nnota kif is-suċċess f’pajjiżna hu riżultat tal-bżulija tal-investitur u l-ħaddiem.

Ir-Riforma fil-Qorti tal-Familja qiegħda titfassal man-nies. Fil-fatt, matul il-jum tas-Sibt, il-Gvern għamel laqgħa ta’ konsultazzjoni miftuħa għall-pubbliku biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jressqu l-proposti. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li ‘inwettqu flimkien’ tirrappreżenta perfettament il-politika li jemmen fiha dan il-Gvern, li qabel iwettaq, jikkonsulta, jisma’ u jitgħallem mingħand min ikun qiegħed jgħix ir-realtà li jkun jeħtieġ li dwarha nwettqu riforma, biex inwettquha flimkien. “Għalhekk ridna li flimkien magħkom niddiskutu dan is-suġġett li jaffettwa tant familji.” Preżenti għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Ministru Għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, u numru ta’ professjonisti li jaħdmu fis-settur. F’din il-laqgħa pubblika saru wkoll numru ta’ diskussjonijiet dwar temi speċifiċi fosthom dwar l-Aċċess u l-Manteniment, Proċeduri Aħjar fil-Qorti tal-Familja, Kura u Kustodja, u Co-Parenting u Parental Alienation. 

PR240632

L-inċentivi li nagħtu favur qalbiet ambjentali jagħtu wkoll l-opportunità lill-konsumaturi jagħmlu għażliet importanti. Dan irrimarkah il-Prim Ministru Robert Abela fix-showroom ta’ Michael Debono Ltd. fl-okkażjoni li mmarkat aktar minn sittin sena ta’ sħubija bejn il-kumpanija Maltija u dik Ġappuniża, Toyota.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-aħħar ċifri uffiċjali juru żieda ta’ kważi 7% fir-reġistrar ta’ vetturi li jniġġsu anqas. Il-Prim Ministru Abela qal li l-inċentivi b’saħħithom li kompla jagħti l-Gvern anki fil-Budget għal din is-sena favur l-investiment f’vetturi li jniġġsu anqas, joħolqu wkoll ambjent fejn dawn it-tip ta’ vetturi jkunu aktar affordabbli għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin. 

Dr Abela saħaq li rridu nkomplu ninċentivaw favur l-użu ta’ vetturi elettriċi u qed ikompli għaddej ix-xogħol fl-installazzjoni ta’ charging points madwar il-pajjiż kollu. Sostna li pajjiżna joffri uħud mill-aqwa rati għaċ-charging tal-vetturi elettriċi. Il-Prim Ministru aċċenna li din il-qalba ambjentali mhiex waħda ta’ konvenjenza iżda waħda strateġika favur li jintlaħaq l-għan biex Malta tkun carbon neutral.

Il-Prim Ministru qal li l-kumpanija Maltija hi wkoll eżempju ieħor tal-imprenditorjat Malti li qed jagħmel suċċess. Innota wkoll l-enfasi fuq is-sostenibbiltà u d-diversifikazzjoni tan-negozju f’setturi diversi. Il-kumpanija tagħti importanza wkoll lit-taħriġ tal-ħaddiema. Huwa temm jawgura lit-tmexxija ta’ Michael Debono Ltd. u fisser kif b’kollaborazzjoni kollettiva nistgħu nġibu bidla favur is-sostenibbiltà f’aspetti differenti li minnha jgawdi kulħadd.

PR240621

• Il-Prim Ministru Robert Abela fi Brussell għal Summit Informali tal-Kunsill Ewropew

Is-Suq Waħdieni jrid jindirizza l-isfidi iżda fuq kollox jilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini kollha fl-Unjoni Ewropea u l-intrapriżi li jaħdmu fih. Messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela f’Kunsill Ewropew Informali bejn il-Mexxejja Ewropej li tlaqqa’ fi Brussell u tratta diversi temi fosthom il-kompetittività u s-Suq Waħdieni.

Konklużjonijiet ewlenin minn dan il-Kunsill b’rabta ma’ dawn it-temi jirriflettu pożizzjonijiet konsistenti li ħadet Malta favur Suq Waħdieni ġust għal kulħadd fosthom fil-qasam tal-mediċini u anki l-importanza li intrapriżi żgħar u medji jkomplu jimirħu. Fil-fatt il-Kunsill qabel favur aktar simplifikazzjoni ta’ proċeduri minn awtoritajiet li jmissu magħhom in-negozji u l-mira hi li l-burokrazija f’dan ir-rigward tonqos b’25%. 

Il-Mexxejja Ewropej qablu wkoll fuq il-ħtieġa ta’ ftehim għall-kompetittività fl-Ewropa li jkompli jixpruna biex l-intrapriżi jaħtfu opportunitajiet li bihom ikollhom operat iżjed sostenibbli fl-ambjent u jagħmlu l-qalbiet li jmiss, jiġifieri dik diġitali u l-ħadra. F’dan il-Kunsill, l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta, li tqabbad mill-Unjoni Ewropea biex jagħmel rapport fuq is-Suq Waħdieni, ippreżenta r-rapport tiegħu, b’Malta tgħid li se tkun qed tanalizza fid-dettall dan ir-rapport wara li laqgħet il-fatt li Letta kkonsulta lill-Gvern Malti fit-tfassil ta’ dan ir-rapport b’laqgħa li kellu f’Malta f’Jannar li għadda. Il-Gvern issa se jitlob il-veduti tal-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, fuq dan ir-rapport.

Il-Prim Ministru Malti nnota li f’oqsma differenti bħall-enerġija u l-aċċess għall-mediċina, is-Suq Waħdieni jrid juri tabilħaqq li qiegħed hemm għal kulħadd b’mod ekwu, inkluż għal Stati Membri żgħar u fil-periferija tal-Ewropa, bħal ma’ hi Malta. Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll dwar argumenti li ilha tpoġġi Malta u issa jinsabu issiġillati f’konklużjonijiet ta’ dan is-Summit dwar prinċipju ewlieni li l-Unjoni Ewropea trid aktar tħares lejh meta tfassal leġislazzjonijiet. Hawn kien qed jirreferi dwar impatti fuq stati żgħar u mhux politika ta’ one-size-fits-all. Dan qal li jgħodd għas-settur agrikolu biex nipproteġu l-bdiewa u r-raħħala meqjusa bħala s-sinsla fis-sigurtà tal-ikel u anki japplika fil-Pakkett tal-Mobbiltà. Qal li jilqa’ l-fatt li l-Unjoni Ewropea qed tħares li tnaqqas il-piż fuq intrapriżi u awtoritajiet lokali marbut ma’ regolar żejjed li jxekkel il-kompetittività. Il-Kunsill tratta wkoll l-kwistjoni tal-moviment tal-kapital bil-għan li jiġi mmobilizzat investiment minn flejjes privati b’mod strateġiku u f’qafas ta’ regolamenti maqbul.

Fil-Kunsill Ewropew, il-Mexxejja ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani fejn issemmiet anki s-sitwazzjoni fil-Libanu bi ġlied bejn qawwiet Iżraeljani u l-ġellieda tal-Hezbollah. Il-Prim Ministru Malti tenna l-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta favur il-paċi u l-waqfien permanenti mill-ġlied anki b’konformità mal-addozzjoni ta’ riżoluzzjonijiet addottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, li pajjiżna preżentament qed jippresiedi. Dr Abela tkellem kontra l-esklazzjoni tal-ġlied fil-Lvant Nofsani anki minħabba l-periklu li l-kunflitt ikompli jinfirex wara l-aħħar tensjonijiet bejn l-Iran u l-Iżrael.

Il-Mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija mhux biss b’rabta ma’ koperazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ naħat iżda anki fuq kwistjonijiet ġeo-politiċi li jolqtu Stati Membri bħall-Greċja u Ċipru.

Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mal-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez qabel il-Kunsill Ewropew Speċjali li qed jitlaqqa’ fi Brussell. Iż-żewġ mexxejja ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari l-kriżi umanitarja f’Gaża u l-importanza tal-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti flimkien mal-ħelsien ta’ ostaġġi maqbuda mill-Ħamas f’Ottubru li għadda.

Malta u Spanja huma wkoll żewġ pajjiżi minn erba’ stati membri li qablu li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati hija kruċjali għall-paċi fil-Lvant Nofsani.