Month: June 2022

PR220856

Matul il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa, fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa f’laqgħa bejn il-Mexxejja Ewropej u dawk tal-Balkani tal-Punent, laqgħa tal-Kunsill Ewropew u Euro Summit.

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta s-sitwazzjoni fl-Ukrajna, it-tkabbir u l-futur tal-Ewropa u kwistjonijiet ekonomiċi.

Il-Mexxejja Ewropej qablu li l-Ukrajna u l-Moldova jingħataw status ta’ kandidat fuq numru ta’ kundizzjonijiet, wara l-applikazzjoni tagħhom għas-sħubija tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-Ġorġja tingħata dan l-istatus malli tilħaq ċertu kriterji elenkati mill-Kummissjoni Ewropea.

Fil-kuntest li fil-jum tal-Ħamis il-Mexxejja Ewropej kellhom laqgħa mal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent, il-Prim Ministru Malti saħaq li pajjiżna jappoġġja bi sħiħ l-aspirazzjonijiet politiċi Ewropej tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Dwar l-Ukrajna l-Prim Ministru saħaq li Malta tibqa’ mħassba bis-sitwazzjoni u se tibqa’ tagħmel il-parti tagħha fil-kawża umanitarja.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’mod kollettiv, l-Unjoni Ewropea trid tisma’ u tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini tagħha li qed jintlaqtu ta’ kuljum mill-effetti ta’ dan il-kunflitt.

“Is-sanzjonijiet huma għodda importanti u effettivi iżda rridu nindirizzaw is-sostennibiltà u l-impatt tagħhom,” irrimarka l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru semma effetti oħra tal-gwerra fl-Ukrajna, fejn f’pajjiżi fin-Nofsinhar, bħal fl-Afrika, jeżisti r-riskju ta’ persuni jmutu bil-ġuħ u instabilità politika.

Dawn ilkoll fatturi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-immigrazzjoni irregolari.

Kien għalhekk li f’dan il-kuntest aċċenna fuq il-ħtieġa li l-Mexxejja Ewropej flimkien jindirizzaw l-effetti globali tat-tensjoni fil-Lvant tal-Ewropa, b’azzjonijiet strateġiċi favur is-sigurtà tal-ikel f’ċertu reġjuni.

Il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll fid-diskussjoni dwar kwistjonijiet ekonomiċi, u hawn qal li Malta tisħaq fuq kordinazzjoni fil-politika ekonomika tal-Unjoni Ewropea biex nassiguraw stabilità ekonomika li tibqa’ twassal għal prosperità.

Fil-Kunsill qamet diskussjoni dwar is-settur tal-enerġija, b’Malta taqbel li l-Unjoni Ewropea tesplora koperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali oħra biex tilqa’ għall-impatt ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija.

Dwar it-tema tal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa, il-Prim Ministru saħaq li wara li din ġiet fi tmiemha bi proċess konsultattiv maċ-ċittadini Ewropej, ħidmietna tibda biex nindirizzaw il-proposti mressqa ’l quddiem.

Hawn il-Prim Ministru nnota pożittivament li dak li dejjem aċċennat għalih Malta, jiġifieri li dak li jridu ċ-ċittadini mhux neċċessarjament jeħtieġ tibdil fit-Trattat preżenti tal-Unjoni, kienet il-konklużjoni tas-servizzi tekniċi tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-Ewropa f’sens wiesa’, fejn id-diskussjonijiet saru dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mas-sħab tagħha fl-Ewropa, inkluż dwar kif jitrawwem id-djalogu politiku u jissaħħu s-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità tal-kontinent Ewropew.

Dwar il-pjattaforma ta’ Ewropa f’sens wiesa’, il-Prim Ministru sostna li din hija opportunità għal Malta biex tkompli ssaħħaħ relazzjonijiet ma’ sħab strateġiċi barra l-Unjoni Ewropea, bħal ma hu r-Renju Unit.

Fil-jum tal-Ġimgħa kien hemm Summit tal-Euro fejn Malta appoġġjat id-dħul tal-Kroazja fiż-Żona Ewro mill-bidu tas-sena d-dieħla.

PR220844

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jirreferi għall-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ħatra ta’ Aġent President tar-Repubblika.

Il-Prim Ministru bagħat ittra lill-Kap tal-Oppożizzjoni fit-2 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Fiha l-Prim Ministru informa lill-Kap tal-Oppożizzjoni li kien qed jiktiblu skont l-artiklu 49 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, biex jikkonsulta dwar il-ħsieb tiegħu li jaħtar lill-Professur Frank Bezzina bħala Aġent President tar-Repubblika.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien mitlub jagħti r-reazzjoni tiegħu fi żmien ġimgħa, liema reazzjoni qatt ma ngħatat u l-ittra giet injorata. Din il-ġimgħa se jkun meħtieġ jinħatar Aġent President tar-Repubblika u l-Prim Ministru għalhekk mexxa b’din il-ħatra skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta.

L-ittra li ssir referenza għaliha qed tkun ippubblikata.

PR220837

Il-gvern se jkun qed jaħtar lill-Professur Frank Bezzina bħala Aġent President tar-Repubblika ta’ Malta. Il-ħatra tal-Professur Frank Bezzina se ssir għall-perjodu li matulu l-President ta’ Malta George Vella se jkun imsiefer.

Il-ħatra ta’ Frank Bezzina bħala Aġent President saret skont kif maħsub fl-Artiklu 49 tal-Kostituzzjoni. Il-Professur Bezzina hu Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta u awtur ta’ diversi studji akkademiċi. Huwa wkoll visiting professor f’għadd ta’ universitajiet barra minn Malta.

Il-gvern irodd ħajr lis-Sinjura Dolores Cristina għad-drabi li tul l-aħħar snin serviet bħala Aġent President.

PR220830

Waħda mill-kumpaniji ewlenin fl-industrija tal-avjazzjoni, Ryanair, bi ftehim mal-Gvern Malti se tiftaħ faċilità ġdida tal-manutenzjoni u tat-tiswija tal-ajruplani, magħruf bħala MRO, f’pajjiżna. L-investiment ta’ €20 miljun, li se jsir wara diversi xhur ta’ diskussjonijiet mal-entitajiet governattivi Malta Enterprise u INDIS Malta, se jara l-ħolqien ta’ aktar minn 250 impjieg.

Dan l-investiment tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair DAC Eddie Wilson, flimkien ma’ numru ta’ rappreżentanti oħra tal-linja tal-ajru. Il-faċilità f’Ħal Luqa se tilqa’ l-ewwel ajruplani f’one-bay hangar minn Ottubru li ġej, bil-fażi finali tiegħu tissarraf f’hangar three-bay fejn jingħataw servizzi magħrufa bħala line and heavy maintenance fuq tliet ajruplani f’daqqa.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-investiment bħala pass ieħor importanti fl-istorja tal-avjazzjoni f’pajjiżna. Qal li faċilità bħal din li tispeċjalizza fit-tiswija tal-ajruplani se ssaħħaħ dan is-settur f’Malta, hekk kif din il-faċilità tingħaqad ma’ oħrajn eżistenti fosthom dawk tal-Lufthansa Technik, SRT Malta u Medavia.

“Dan l-investiment se jara l-ħolqien ta’ 250 impjieg f’dan il-qasam, li se jwassal għal tkabbir ta’ 25% fil-qasam tax-xogħol f’pajjiżna”, saħaq il-Prim Ministru. Hawnhekk tenna l-impenn tal-gvern li jara li l-istituzzjonijiet edukattivi u dawk speċjalizzati jħarrġu lill-ħaddiema f’din l-industrija. Qal li programmi ta’ titjib tal-ħiliet tekniċi se jkunu qed isiru lill-ħaddiema fl-industrija biex jiġu indirizzati skills gaps f’din l-industrija. Temm jgħid li Malta qed issir ċentru tal-eċċellenza fl-avjazzjoni u għalhekk jeħtieġ li nkomplu nibnu l-industrija b’mod sostenibbli f’dan il-perjodu ta’ tkabbir.

Il-Ministru Silvio Schembri awgura lil Ryanair għal dan l-investiment multimiljunarju u rringrazzja lil Malta Enterprise tal-appoġġ u lil INDIS Malta li se talloka art lil Ryanair b’total ta’ 7,500 metru kwadru għall-ewwel fażi ta’ dan il-proġett.

“Dan huwa biss wieħed mill-proġett li INDIS qed taħdem fuqhom fil-qasam tal-avjazzjoni. Fil-fatt, qed isir ukoll xogħol fuq Taxiway Lim, kif ukoll għaddejjin taħditiet fuq l-Airport Zone Strategy Plan li se jara l-medda ta’ art madwar l-ajruport, li llum tista’ tgħid li mhix tintuża, isir użu aħjar minnha biex inkomplu nibnu fuq settur tal-avjazzjoni aktar b’saħħtu,” qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li llum huwa jum mill-aktar sinjifikanti hekk kif waħda mill-aktar kumpaniji b’saħħithom fil-qasam tal-avjazzjoni globali qed tagħti l-fiduċja tagħha f’Malta u tinvesti f’pajjiżna. “Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr il-viżjoni b’saħħitha tal-Gvern Malti u l-appoġġ ta’ Malta Enterprise. Dan huwa proġett ieħor li juri l-fiduċja li għandhom investituri barranin f’Malta bħala pajjiż li jattira kumpaniji ta’ kwalità li jiġu joperaw, jinvestu u jkomplu jikbru f’pajjiżna”, qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair DAC Eddie Wilson qal li, “Bħala waħda mill-akbar linji tal-ajru li toffri servizz lil Malta, Ryanair hija onorata li qed tiftaħ ċentru ġdid ta’ manutenzjoni f’dan il-pajjiż. Ryanair qed toħloq opportunitajiet għal impjiegi ta’ inġinerija b’ħiliet għolja”. Saħaq li dan l-investiment ikompli jsaħħaħ l-impenn ta’ Ryanair biex jintlaħqu l-ogħla standards ta’ operazzjoni u ta’ manutenzjoni fis-settur tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, l-investiment se jsaħħaħ aktar l-impenn ta’ Ryanair lejn Malta, saħaq is-Sur Wilson. Dan meta fl-istess waqt Ryanair qed toffri rekord ta’ 62 rotta dan is-sajf li se jixprunaw l-irkupru turistiku ta’ Malta wara l-pandemija.

PR220807

Fix-xatt tal-Gżira l-Prim Ministru Robert Abela żar investiment lokali ta’ €8 miljun f’lido ġdid.

AquaLuna Lido huwa proġett konġunt bejn tliet negozji li jmexxu lukandi fuq ix-xatt tal-Gżira u ta’ Tas-Sliema; ST Hotels li tifforma parti minn Stivala Group of Companies, The Waterfront Hotel Ltd li tifforma parti minn Mizzi Organisation, u The Neu Collective.

B’aktar minn elf metru kwadru ta’ pixxina b’ristorant, żewġ ristoranti separati, spazju għal-logħob għat-tfal u spazju ieħor għall-opri tal-arti fil-beraħ, ħafna mix-xogħlijiet fuq il-proġett AquaLuna saru waqt il-pandemija.

AquaLuna Lido serva biex jagħmel mix-xatt tal-Gżira destinazzjoni Mediterranja ta’ kwalità bil-kumplimenti kollha tal-klima Maltija, il-kċina Mediterranja u l-veduta spettakolari tal-Belt u tal-Port ta’ Marsamxett.

L-investiment tal-azzjonisti ra li żamm u tejjeb l-ispazji pubbliċi.

F’indirizz li għamel hekk kif żar dan l-investiment, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan il-proġett bħala turija ta’ fiduċja mis-settur privat biex ikompli jitjieb il-prodott turistiku ta’ pajjiżna.

Filwaqt li rrefera għal ċifri inkoraġġanti għas-settur turistiku li mistenni jkollu sajf bieżel, il-Prim Ministru saħaq li rridu naħdmu iżjed biex ma nilħqux biss il-livell fil-qasam turistiku ta’ qabel il-pandemija iżda niksbu iżjed.

“F’dan is-settur irridu negħlbu l-isfida tal-istaġjonalità billi ngħinu lill-operaturi turistiċi jkollhom riżultati tajbin is-sena kollha”, saħaq il-Prim Ministru, li afferma mill-ġdid l-appoġġ tal-gvern lin-negozji, bħalma ġara waqt il-pandemija.

F’isem it-tliet investituri tkellmet Maria Micallef, li spjegat li l-investiment ta’ AquaLuna Lido huwa sinjifikanti għax l-investituri nedew proġett ambizzjuż ta’ reklamazzjoni tal-art li serva biex kabbar l-infrastruttura turistika fil-Gżira.

Qalet li dan il-ftuħ juri fuq kollox li l-industrija turistika Maltija kienet reżiljenti fi żmien ta’ sfida tal-pandemija u ħadet l-okkażjoni biex tirriġenera lilha nnifisha għal dan iż-żmien fejn is-swieq turistiċi qegħdin idawru r-rota mill-ġdid.

Irrimarkat ukoll għall-għajnuna li l-industrija turistika gawdiet mingħand il-gvern waqt pandemija bħall-Wage Supplement, tax credits u diferiment fil-ħlas tat-taxxa.