Month: December 2025

PR252311

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-President tal-Fondazzjoni Puttinu Cares Angele Cuschieri, tħabbar kif il-Gvern se jkun qed jikkordina l-finanzjament ta’ €25 miljun sabiex jinbena ċ-Ċentru Ġdid ta’ Kura Ħolistika għat-Tfal u l-Familji fil-Mosta u jkun amministrat minn Puttinu Cares. Apparti l-ispejjeż marbuta mal-bini, il-finanzjament se jkun qed jinkludi l-operat ta’ dan iċ-Ċentru għall-ewwel ħames snin. Il-finanzjament ta’ dan il-proġett se jkun ġej minn donazzjonijiet filantropiċi sostanzjali marbuta maċ-Ċittadinanza bil-Mertu.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-finanzjament ġej wara li l-Gvern kien diġà alloka art pubblika għal Puttinu Cares biex issa jinbena dan iċ-Ċentru li mhux biss huwa wieħed għall-kura iżda se jkun joffri appoġġ b’għadd ta’ servizzi fosthom dawk ta’ psikoloġija, terapija u anki dak edukattiv għat-tfal biex ikomplu bl-istudju tagħhom waqt il-kura. Iċ-Ċentru, li għalih hemm fondi wkoll mill-Fond għall-Kawżi Soċjali, se jgħin ukoll lill-familji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli fosthom minħabba telf ta’ ħajja.

Dr Abela saħaq li dan huwa l-mod kif nemmnu li għandu jaġixxi Gvern li tassew ikun hemm għan-nies. “Malta li rridu hija Malta fejn fil-mument tal-bżonn, il-familji jsibu Gvern li għandu r-riżorsi u r-rieda biex isostnihom”, sostna l-Prim Ministru hu jisħaq li bħala Gvern nemmnu fil-politika li tagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies. “Illum qed niddikjaraw, wara qbil unanimu fil-Parlament dwar emendi legali, li dawk li ser jagħtu donazzjonijiet filantropiċi sostanzjali lil Puttinu Cares għal dan il-proġett se jkunu ikkunsidrati għal ċittadinanza abbażi tal-mertu, dejjem jekk jgħaddu stadji oħra bħal dak ta’ due diligence,” spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru rrefera għal esperjenzi li kellu ma’ Puttinu Cares fosthom meta żar familji fir-Renju Unit u fisser lil Puttinu Cares bħala familja li toffri spalla lil dawk li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli. Huwa rringrazzja lil Puttinu Cares tal-ħidma siewja anki permezz ta’ għadda ta’ voluntiera f’Malta li fiha s-solidarjetà hi b’saħħitha. Qal li ma’ Puttinu Cares u mal-familji, il-Gvern se jkun magħhom f’appoġġ f’Malta magħquda.

Fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-Ministru Byron Camilleri qal, “Dan il-proġett ta’ Puttinu huwa proġett li se jtella’ f’livell ieħor l-appoġġ lil dawk li jkunu għaddew mill-kura tal-kanċer. Huwa għalhekk li nqisuh proġett ta’ importanza nazzjonali u huwa proġett li nemmnu li jistħoqqlu kull appoġġ biex jibda jaħdem kemm jista’ jkun malajr, u biex jitħaddem bl-aqwa mod.”

Żied jgħid, “Għalhekk irridu naraw li dan il-proġett, li l-Gvern diġà beda jagħti l-appoġġ għalih, inkluż bl-art, ikollu kemm ir-riżorsi materjali meħtieġa biex jitlesta u jaħdem, iżda wkoll il-ħiliet professjonali biex nesploraw li f’Malta nagħtu wkoll servizzi li għad m’għandniex sa issa. “Huwa f’dan il-kuntest li lesti napplikaw il-proveddimenti tal-liġi taċ-ċittadinanza bil-mertu kif approvata mill-Parlament b’mod unanimu iktar kmieni din is-sena, biex min jagħti kontribut filantropiku sinjifikanti u sostanzjali għal dan il-proġett ikun ikkunsidrat għaċ-ċittadinanza. Naturalment dan skont regolamenti stretti u diversi rekwiżiti oħra. Però l-ħsiebtagħna hu ċar. Dan proġett importanti għal Malta u ta’ interess nazzjonali għax imiss ma’ tant familji u hija rabta sabiħa li wieħed jista’ jkollu mal-ħolqien u t-tħaddim ta’ proġett ta’ dan it-tip li se jgħin tant familji, partikolarment tfal.”

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, li saret quddiem għadd ta’ familji li jirċievu l-għajnuna mingħand Puttinu Cares, fosthom għadd ta’ tfal, il-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri qalet li dan il-proġett se jkun qed iservi biex fit-tbatijiet, Puttinu Cares jilqa’ u jkun hemm mal-ewwel mal-familji. “Se nimxu l-mixja f’dak iż-żmien iebes magħhom. Bħalma kien ta’ ġid enormi l-proġetti fir-Renju Unit, fejn qed inservu eluf ta’ pazjenti u familji, nemmnu li dan il-proġett, din id-darba ġewwa l-Mosta, se jtaffi ħafna mit-tbatija ta’ dawn il-familji”, qalet Angele Cuschieri. Spjegat kif il-kultura ta’ pajjiżna hija tant b’saħħitha li meta naraw lil xi ħadd għaddej minn żmien iebes, ningħaqdu u nagħmlu dak kollu possibbli biex nagħtuhom is-sapport u d-dinjità li jixirqilhom.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela, il-Ministri Byron Camilleri u Jo Etienne Abela u t-tmexxija ta’ Puttinu Cares żaru t-tfal rikoverati f’Rainbow Ward fl-isptar Mater Dei. Hemm kellhom ftit ħin ukoll jiltaqgħu mal-familji u l-professjonisti. It-tfal ingħataw rigal tal-Milied frott il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi waqt l-inizjattiva Rigal bi Mħabba ta’ din is-sena.

PR252304

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea jżuru dar tal-anzjani

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, żar l-anzjani f’dar residenzjali privata, waħda minn bosta li l-Gvern jixtri s-sodod biex jakkomodaw l-anzjani. Fil-fatt, fis-settur privat, il-Gvern għandu ftehimiet ta’ xiri ta’ sodod u sħubija bejn il-Gvern u l-privat li jwasslu biex il-Gvern għandu kważi 4,000 sodda biex jakkomoda iżjed anzjani li jirċievu l-kura u l-ħarsien fi djar tal-anzjani madwar il-pajjiż.

Fiż-żjara f’Porziuncola Home huma ltaqgħu mal-anzjani u awgurawlhom għal dawn il-festi filwaqt li l-anzjani kollha ngħatalhom rigal li jgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum. Il-Prim Ministru nnota s-servizzi importanti offruti lill-anzjani mill-ħaddiema u professjonisti. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern jinsab impenjat sabiex jassigura li kull anzjan li jgħix f’dar residenzjali, kemm pubblika kif ukoll privata, jingħata l-aqwa livell ta’ kura possibbli. Spjega li huwa għalhekk li s-sena d-dieħla l-awtoritajiet se jniedu standards regolatorji ġodda għall-konsultazzjoni pubblika. Dr Abela qal li l-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa li tkompli tissaħħaħ il-kwalità tas-servizz offrut lill-anzjani tagħna.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif għas-sena li ġejja, il-vot allokat fil-Budget approvat nhar it-Tlieta li għadda mill-Parlament jinkludi €83 miljun investiment għall-kura residenzjali fi djar privati. Qal li dan l-investiment jirrifletti l-importanza li l-Gvern jagħti lil kollaborazzjoni mal-operaturi privati biex jiġu offruti servizzi ta’ kwalità għolja, sostenibbli u li jilħqu l-istandards nazzjonali tal-kura. Dan l-investiment huwa apparti s-sħubijiet pubbliċi-privati ma’ operaturi ta’ kura residenzjali.

Il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea tkellmu mal-anzjani u qrabathom li kienu wkoll qed iżuruhom. Huma rrakkontaw esperjenzi differenti fosthom dawk li għexu f’dawn iż-żminijiet tal-Milied. Ir-residenti ta’ Porziuncola Home jgħixu f’dar residenzjali moderna mmexxija minn Golden Care u tifforma parti minn netwerk ta’ faċilitajiet li joffru kura professjonali, sigura u ffukata fuq id-dinjità tal-persuna. 

Id-dar hija mgħammra b’faċilitajiet moderni u spazji mfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet differenti tal-anzjani, inklużi dawk li jeħtieġu kura kontinwa jew appoġġ speċjalizzat. L-operat ta’ din id-dar jitmexxa minn tim multidixxiplinari dedikat li jaħdem fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum.

PR252296

“Pajjiżna dejjem kien ċar u konsistenti favur appoġġ għall-Ukrajna permezz ta’ strumenti li jkunu konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, u li jirrispettaw in-newtralità Kostituzzjonali ta’ pajjiżna. Sodisfatt li permezz ta’ diskussjoni matura, dan kien il-qbil li lħaqna bejnietna llum” – il-Prim Ministru Robert Abela wara s-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell

F’laqgħa tal-Kunsill Ewropew bejn il-Mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-pożizzjoni konsistenti ta’ Malta favur appoġġ politiku u finanzjaru lill-Ukrajna li jkun konformi mal-liġi internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, li jagħti prevedibbiltà u garanzija ta’ stabbiltà finanzjarja. Kien f’dan l-ispirtu li d-diskussjoni bejn il-Mexxejja wasslet għal qbil dwar strument ta’ self konġunt mill-Unjoni Ewropea li jiffinanzja l-ħtiġijiet tal-Ukrajna għas-sentejn li ġejjin. Waqt dawn in-negozjati, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq ukoll li kwalunkwè appoġġ finanzjarju mogħti minn pajjiżna jrid ikun għal użi li jirrispettaw in-newtralità Kostituzzjonali ta’ pajjiżna, fatt li ġie rikonoxxut fil-konklużjonijet formali adottati fi tmiem is-Summit.

Matul din il-laqgħa, il-Mexxejja ħadu wkoll kont tal-iżviluppi fil-Lvant Nofsani u l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Paċi fir-reġjun. Il-Prim Ministru nnota li s-sitwazzjoni tibqa’ waħda instabbli u fraġli, u li r-rispons kollettiv għadu mankanti għad-detriment ta’ ħafna vittmi innoċenti li qed jibqgħu jbatu. Huwa sostna li l-Unjoni Ewropea trid tikkapitalizza fuq l-irwol diplomatiku importanti li għandha f’taħditiet strateġiċi ma’ sħab internazzjonali biex jiġi assigurat li dak maqbul ikun implimentat bla dewmien.

Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll s-sitwazzjoni ġeoekonomika u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru saħaq li l-kompetittività tibqa’ kruċjali għall-prosperità fl-Ewropa u tenna li l-aċċessibilità tas-Suq Waħdieni hija kruċjali biex dan ikun assigurat u s-suċċess ikun iggarantit għall-Istati Membri kollha. Dr Abela qal ukoll li l-bilanċ bejn il-kummerċ ħieles u s-sigurtà ekonomika, u kif ukoll it-tisħiħ tal-koperazzjoni ma’ sħab strateġiċi bħall-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina huma vitali għal Unjoni Ewropea reżiljenti u kompetittiva.

Il-Mexxejja kellhom ukoll l-ewwel diskussjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034, fejn ingħata rendikont tal-progress milħuq taħt il-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u ġie diskuss il-pjan għall-fażijiet li jmiss tan-negozjati bil-għan li jintlaħaq qbil sa tmiem is-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru tenna li pajjiżna ser ikompli jipparteċipa fi djalogu kostruttiv sabiex jintlaħaq il-bilanċ politiku meħtieġ u jinstab kompromess ġust li jieħu kont tar-realtajiet u l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.

Fost temi oħra, il-Mexxejja ddiskutew ukoll l-iżviluppi marbuta mal-qafas leġislattiv u inizjattivi oħra fis-settur tal-migrazzjoni, il-progress fid-diskussjonijiet dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u r-riformi meħtieġa, u kif ukoll id-difiża u s-sigurtà kollettiva tal-Unjoni Ewropea. Il-Mexxejja ddiskutew ukoll l-impetus ġdid fuq il-Mediterran, fejn il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-adozzjoni tal-Patt għall-Mediterran u qal li dan ser ikun strument importanti għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-viċinat tan-Nofsinhar u l-istabbiltà, il-prosperità u s-sigurtà tal-Mediterran.

Qabel is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ kordinament fuq it-tema tal-migrazzjoni flimkien ma’ erbatax-il Stat Membru ieħor u l-Kummissjoni Ewropea, fejn komplew jiġu diskussi diversi sfidi komuni, ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-tranżitu u l-koperazzjoni f’diversi fora multilaterali.

PR252286

F’Summit tal-Unjoni Ewropea u tal-Balkani tal-Punent fi Brussell, il-Prim Ministru Robert Abela appella għall-għaqda fil-kontinent Ewropew favur stabbiltà u prosperità għaċ-ċittadini kollha li jgħixu fih. 

Waqt dan is-summit annwali, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn ta’ Malta biex tissaħħaħ is-sħubija u l-kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u enfasizza l-importanza tal-għaqda fi żminijiet ta’ sfidi komuni għar-reżiljenza tal-kontinent Ewropew. Dr Abela innota l-progress pożittiv u l-isforzi riċenti li qed iqarrbu lil dan ir-reġjun viċin l-Unjoni Ewropea, u saħaq fuq l-irwol kruċjali tal-konsistenza fl-implimentazzjoni ta’ inizjattivi li jġibu benefiċċji liċ-ċittadini madwar il-kontinent u l-iżvilupp ekonomiku li jħalli l-ġid fost il-familji.

Fost dawn is-suċċessi, il-Prim Ministru semma l-ftehim “roam like at home” fil-Balkani tal-Punent bħala eżempju konkret ta’ kif il-koperazzjoni strateġika twassal għal riżultati sinifikanti li jinħassu miċ-ċittadini. Huwa nnota li dawn il-kisbiet huma xhieda ta’ dak li jista’ jintlaħaq permezz ta’ djalogu persistenti u viżjoni komuni. Waqt id-diskussjoni, il-Prim Ministru faħħar ukoll il-kollaborazzjoni li għaddejja biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva kontra theddid ċibernetiku u ibridu, sfidi li jmorru lil hinn mill-fruntieri u li jeħtieġu rispons Ewropew ikkordinat.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll fuq l-importanza li jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu solvuti tilwimiet bilaterali u tissaħħaħ ir-rikonċiljazzjoni reġjonali, sabiex ikompli jinbena futur stabbli bbażat fuq rispett reċiproku u relazzjonijiet ta’ ġirien tajba. Filwaqt li reġa’ afferma l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għall-proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru ddeskrivieh bħala imperattiv ġeopolitiku essenzjali għas-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa li għandu jkun mibni fuq il-valuri Ewropej tad-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u s-saltna tad-dritt, li jibqgħu fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet. Huwa tenna l-impenn ta’ Malta fil-vjaġġ ta’ adeżjoni ta’ dawn il-pajjiżi u qal li pajjiżna jħares ’il quddiem għal aktar koperazzjoni u progress fis-sena li ġejja.

PR252279

Il-Prim Ministru Robert Abela llum inawgura uffiċjalment il-flyover bħala parti mill-proġett infrastrutturali tal-Imsida Creek. Din l-inawgurazzjoni timmarka  tragward importanti lejn it-tlestija ta’ dan il-proġett infrastrutturali essenzjali li qed ikompli jimmodernizza waħda mill-aktar żoni strateġiċi fin-netwerk tat-toroq ta’ pajjiżna.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru saħaq li grazzi għar-rieda soda u d-determinazzjoni li bihom inħadem dan il-proġett, illum wasalna għal tragward sinifikanti. Huwa fakkar li dan hu proġett massiċċ ta’ €35 miljun, iffinanzjat kompletament minn fondi pubbliċi. Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza li s-saħħa ekonomika tal-pajjiż tippermetti investimenti infrastrutturali ta’ din il-portata. F’dan il-kuntest, huwa rrefera għall-konklużjonijiet riċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li ftit tal-jiem jiem ilu kkonferma li Malta għandha ekonomija reżiljenti, dinamika u rimarkabbli.

“Din il-flyover hija proġett ta’ kwalità għolja, mibni mill-Maltin għall-Maltin. Il-270 tunnellata ta’ azzar li jiffurmaw din l-istruttura ġew iddisinjati u manifatturati lokalment, prova ċara tal-ħiliet, l-innovazzjoni u l-kapaċità tal-industrija Maltija. B’dan il-mod, mhux biss inħolqot infrastruttura moderna, iżda ngħatat spinta qawwija lill-industrija lokali,” saħaq Dr Abela. 

Il-Prim Ministru nnota wkoll l-effiċjenza straordinarja li biha twettqet din il-flyover, hekk kif f’seba’ xhur minn meta bdew ix-xogħlijiet, intlaħaq dan il-pass importanti, bl-inqas inkonvenjenza possibbli għar-residenti u l-attività f’dawn l-akwati. Dan hekk kif ħafna mix-xogħlijiet saru bil-lejl jew fi tmiem il-ġimgħa.

“Fil-pass li jmiss tal-proġett immexxi minn Infrastruttura Malta, l-Imsida se tkun qed tgawdi minn pjazza ġdida, aktar spazji miftuħa għall-familji, toroq u mogħdijiet aktar siguri għal min jimxi jew juża r-rota, kif ukoll sistema moderna ta’ servizzi li tindirizza l-problema tal-għargħar f’din iż-żona. Dan kollu sabiex, fit-tmiem tal-proġett, ikun jista’ jingħad li twettaq investiment infrastrutturali future-proof li mmodernizza u tejjeb b’mod sostanzjali din iż-żona importanti,” sostna l-Prim Ministru. Huwa qal li dan il-proġett huwa eżempju ieħor ta’ x’jista’ jinkiseb meta l-pajjiż jingħaqad u jaħdem b’determinazzjoni. “Din il-flyover mhijiex biss azzar u konkos, iżda prova li dak li joħlom dan il-poplu, jitwettaq,” żied jgħid Dr Abela.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett spjega kif dan il-proġett kien pjanat u maqsum f’diversi fażijiet, b’xogħol preparatorju minn qabel maħsub biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq min jgħaddi minn din iż-żona kif ukoll fuq ir-residenti tal-madwar. “Minn qabel bdejna x-xogħol fuq il-proġett, għamilna enfasi qawwija fuq il-komunikazzjoni mal-pubbliku, b’kull bidla fir-rotot titħabbar minn ġimgħat qabel biex wieħed jilħaq jippjana l-vjaġġ tiegħu b’mod aħjar,” qal il-Ministru Bonett.

“Wara li ftit ġimgħat ilu ġie inawgurat l-pont li jgħaqqad ix-xatt tal-Imsida ma’ dak tal-Pietà, minn għada dan il-flyover ukoll se jkun qed jintuża mill-vetturi. Minkejja li dawn l-istrutturi huma viżibbilment kbar u importanti għall-proġett, il-benefiċċji tax-xogħol li qed nagħmlu se jkompli jidher aktar biċ-ċar fil-fażijiet li ġejjin. Bil-ħolqien ta’ kanal ġdid ta’ 300 metru, ser intaffu l-problema tal-għargħar filwaqt li ser nagħtu spazju miftuħ ġdid fil-qalba tal-komunità li jerġa’ jgħaqqad iż-żewġ naħat tal-Imsida flimkien,” temm jgħid il-Ministru Bonett.