Month: April 2022

PR220517

Waqt żjara fis-showroom DARI fiż-żona industrijali tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, il-Prim Ministru Robert Abela nnota mill-ġdid il-bżulija tal-imprenditur Malti u t-talent lokali li kapaċi jimmanifattura prodott ta’ livell għoli mill-bidu sal-aħħar.

DARI, li tifforma parti minn SAW Ltd u b’esperjenza ta’ iżjed minn 30 sena fil-manifattura industrijali, toffri għażla wiesa’ ta’ għamara manifatturata kompletament mill-ideat u l-kreattività ta’ mħuħ Maltin.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru tenna kif kumpanija bħal DARI ħaqqha kull tifħir għaliex anki f’mumenti ta’ sfidi internazzjonali li affaċċjat d-dinja kawża tal-pandemija, it-tmexxija tal-grupp baqgħet waħda reżiljenti u innovattiva.

Id-Direttur u l-Kap Maniġerjali ta’ DARI, Stephen Azzopardi qal li wara 30 sena ta’ esperjenza fil-manifattura kummerċjali, it-tim ħass il-ħtieġa li fis-suq lokali jimbarkaw fuq proġett li joffri għażla ta’ għamara domestika manifatturata lokalment u bi kwalità għolja, kemm mill-aspett tal-prodott innifsu u anki mid-disinn. “Minħabba f’hekk wittejna t-triq u bdejna noffru dan is-servizz lil konsumatur Malti. Dan kien possibbli għax investejna total ta’ €1.5 miljun f’showroom ġdida tal-ogħla livell li tesibixxi varjetà ta’ kċejjen, kmamar tas-sodda u living areas,” qal is-Sur Azzopardi.

Mark Cassar, Commercial & Brand Manager, spejga li l-isem DARI attwalment jirrifletti dak kollu li huwa Malti. “Ridna dan l-isem għaliex xtaqna nwasslu messaġġ li dan ix-xogħol huwa lokali, mid-disinn ewlieni sal-produzzjoni finalizzata. Ridna wkoll nagħfsu fuq l-importanza li dan il-prodott huwa addattat għad-djar Maltin u jolqot il-gosti tal-konsumatur Malti. B’hekk il-konsumatur huwa ċ-ċentru ta’ din il-brand,” sostna s-Sur Cassar.

Is-Sur Cassar spjega wkoll kif DARI trid tkun ta’ eżempju minn aspett sostenibbli f’dak kollu li tipproduċi. “DARI timmanifattura l-prodott kollu lokalment u konsegwentament, il-proċess qed iħalli impatt inqas fuq l-ambjent għaliex loġistikament it-trasportazzjoni hija minimizzata kważi għal kollox,” qal is-Sur Cassar.

Huwa tenna wkoll li l-fabbrika taħdem b’effiċjenza qawwija grazzi għall-aħħar teknoloġija fil-makkinarju li nxtara, tagħmel użu minn dawl naturali filwaqt li tiġġenera persentaġġ sostanzjali tal-konsum tal-elettriku permezz tal-PV panels. Il-proċess fil-fabbrika ma jiġġenerax skart addizzjonali minħabba li l-materjal żejjed jerġa’ jiġi użat jew riċiklat.

Filwaqt li fil-preżent DARI tħaddem total ta’ 70 persuna, il-kumpanija qed tippjana li tkabbar it-tim tagħha bil-għan li tkompli taqdi l-konsumatur Malti b’iżjed effiċjenza u f’qasir żmien.

PR220497

Edward Montebello nħatar Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Is-Sur Montebello se jibda jservi f’dan l-irwol minn nhar it-Tnejn, 2 ta’ Mejju.

Gradwat fl-istorja u fl-edukazzjoni, is-Sur Montebello ħadem ta’ għalliem u ilu involut fil-ġurnaliżmu għal dawn l-aħħar 18-il sena. Ħadem bħala editur tal-aħbarijiet, ipproduċa u ppreżenta wkoll numru ta’ programmi u dokumentarji.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jrodd ħajr lis-Sur Matthew Carbone tal-ħidma importanti tiegħu meta serva f’dan l-irwol fl-aħħar snin, wara li mill-2013 sal-2019 kien Deputat Kap fl-istess uffiċċju.

PR220501

B’konformità mal-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kabinett tal-Ministri llum iddeċieda li jagħti parir lill-President tar-Repubblika biex ma jilqax it-talba għall-proklama li għamlu fl-4 ta’ April 2022 is-Sur Alfred Degiorgio u s-Sur George Degiorgio.

Id-deċiżjoni tal-Kabinett mhux biss hija bbażata fuq il-parir tal-istituzzjonijiet relevanti, iżda hija meħuda wkoll fl-interess nazzjonali u fl-interess tar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja.​

PR220483

Il-Gvern Malti jifraħ lil Dr George Hyzler tar-riżultat miksub fis-smigħ għall-ħatra ta’ membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri li sar illum quddiem il-kumitat għall-kontroll tal-baġit tal-Parlament Ewropew.

PR220471

Wara li ngħalaq il-proċess elettorali, il-Prim Ministru Robert Abela issa se jkun qed jappunta żewġ membri oħra fil-Kabinett tal-Ministri fl-irwol ta’ segretarju parlamentari.

Rebecca Buttigieg se tkun qed tinħatar Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.

Alicia Bugeja Said se tinħatar Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali.

Il-ġurament tal-ħatra mistenni jittieħed għada, il-Ħamis 14 ta’ April.